Lokali Parlament

Mitlub ruling biex il-Prim Ministru u lill-ministri jpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tagħhom għall-2023

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina talab ruling mis-Sedja biex jobbliga lill-Prim Ministru u lill-ministri kollha biex minnufih ipoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tagħhom għas-sena 2023.

Hu rrfiera għat-tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari li ġiet imwieġba t-Tnejn 20 ta’ Jannar 2025 li fiha qal: “Id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari għas-sena 2023 ġew sottomessi skont kif mitlub fil-Manwal, u kienu disponibbli għall-pubbliku.”.

Karol Aquilina rrifera wkoll għall-mistoqsijiet u għat-tweġibiet oħra mogħtija mill-ministeri tal-Gvern li wkoll kollha jirreferu għat-tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru.

Riferenza oħra kienet għar-ruling mogħti mill-Ispeaker fis-Seduta tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar referenza għal dokumenti pubbliċi fi tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari kif ukoll għar-ruling mogħti minnek fl-aħħar leġislatura waqt is-seduta ta’ nhar it-12 ta’ Marzu 2018 u fis-seduta tal-11 ta’ Mejju 2020 dwar it-tqegħid fuq il-Mejda tal-Kamra ta’ dokumenti li diġà jkunu jinsabu fid-dominju pubbliku kif ukoll għar-rulings mogħtija mill-Ispeaker Louis Galea fis-Seduta tal-24 ta’ Marzu 2010 u għar-ruling mogħti fis-seduta tad-9 ta’ Novembru 2015.

Hu qal li għalhekk fid-dawl ta’ dawn it-tweġibiet u fid-dawl tar-rulings mogħtija mis-Sedja, qiegħed jitlob ruling mis-Sedja biex tobbliga lill-Prim Ministru u lill-Ministri kollha biex minnufih ipoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tagħhom għas-sena 2023.