Sid ta’ bar f’Wied il-Għajn ġie mmultat €3,000 talli naqas milli jipproduċi rċevuta tal-VAT għall-bejgħ ta’ xarba ta’ €2. Adrian Demanuele nstab ħati mill-Qorti wara li spetturi tal-VAT żaru Cesca Club fi Triq il-Gardiel, u nnutaw li klijent ma ngħatax irċevuta ta’ xarba li kien xtara.
Dan seħħ għall-ħabta tal-11pm lejlet il-Milied tal-2022. Huma mbagħad tkellmu ma’ Demanuele, sid il-bar, li qalilhom li l-bar kien miftuħ biss ġurnata waħda fil-ġimgħa u li kull darba li fetaħ, ta’ ppanċja f’bejgħ ta’ €515 propju mal-bidu tan-negozju, biex ikopri l-VAT għal dak li bejgħ fil-ġurnata.
Wara li għalaq, huwa mbagħad rrikonċilja l-bejgħ tal-ġurnata mal-irċevuta. Huwa qal li għamel dan għax l-impjegati tiegħu ma kinux jafu kif iħaddmu sew il-cash register, xehed l-ispettur. Meta xehed, Demanuele qal li kien qed imexxi open bar dak il-lejl bl-għajnuna ta’ organizzatur. L-ispetturi qalu lill-qorti li dan ma kienx il-każ peress li raw persuna tħallas għal drink ta’ €2 fi flus kontanti.
Il-Qorti qalet li ma temminx ix-xhieda tar-raġel li dak il-lejl kien qed imexxi open bar, u nnutat li ma ppreżenta l-ebda evidenza biex tissostanzja dak l-argument. Ma kien hemm xejn li jindika li l-istabbiliment kien qed imexxi open bar u s-sid kien ikkonferma li dawk li attendew ma ngħatawx biljett għall-avveniment.
Għalhekk sabet lir-raġel ħati ta’ evażjoni tat-taxxa u ġie mmultat €3,000. Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.