Lokali

21,931 persuna f’pajjiżna għandha liċenzja ta’ arma tan-nar

F’Malta u Għawdex hawn 21,931 persuna b’liċenzja valida ta’ arma tan-nar. Dan ikkonfermah il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri.

Huwa kien qed iwieġeb mistoqsija li saret mid-deputat tal-Partit Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici, li staqsiet kemm hawn nies f’Malta u Għawdex li għandhom liċenzja valida ta’ arma tan-nar.

F’ħafna pajjiżi l-issue tal-armi hija waħda ferm kontroversjali, fosthom fl-Istati Uniti fejn l-akkwist tal-armi huwa relattivament faċli.

Fl-Ewropa jeżisti dak li jissejjaħ il-pass Ewropew tal-armi tan-nar u munizzjon.

Dan huwa biss għal żmien qasir u għal skop li huwa kopert mir-rekwiżiti legali… u jista’ jintuża għal vjaġġ ta’ kaċċa jew parteċipazzjoni f’avveniment sportiv ta’ sparar.

Il-pass Ewropew għall-armi tan-nar huwa validu għal 5 snin u jista’ jiġi estiż darbtejn – għal 5 snin kull darba.

Wieħed jista’ jieħu l-munizzjon għall-armi reġistrati… iżda f’ammonti biss kemm wieħed ikollu bżonn.

Intant… mit-18 ta’ Novembru li għadda, ġew iċċentralizzati s-servizz tat-trasferimenti tal-armi f’Malta. U dan bil-għan li dan il-proċess isir iżjed effiċjenti.


Dawn it-trasferimenti issa bdew isiru kollha mill-Uffiċċju tal-Armi, fid-Depot tal-Pulizija.