Impenn għas-Saħħa Lokali

22 tip differenti ta’ mediċina out of stock… bil-Ministru Jo Etienne Abela jgħid li f’ħafna każi tort tal-kuntrattur

Il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela qal li b’kollox hemm 22 tip differenti ta’ mediċina out of stock. Tenna li ħafna mill-każijiet dan qed jiġri tort tal-kuntrattur.

Waqt seduta Parlamentari din il-ġimgħa, Abela poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ mediċini sabiex iwieġeb għad-domanda tad-Deputat Nazzjonalista Ian Vassallo li staqsa lill-Ministru biex jgħid liema huma l-mediċini out of stock.

Skont il-Ministru hemm indikazzjoni li ċertu pilloli għandhom jaslu fi żmien ġimgħa, u oħrajn bejn ġimagħtejn sa anki tlieta, b’waħda partikolari mistennija tasal wara ħames ġimgħat. L-inkwiet huwa li m’hemmx indikazzjoni ta’ meta se jaslu Malta 12-il mediċina oħra.

Il-Ministru Abela qal li kollox jindika li l-maġġoranza tal-mediċini li għadhom mingħajr indikazzjoni ta’ data tentattiva ta’ meta għandha tasal minħabba li l-kuntrattur waqa’ lura fil-konsenja u għalhekk kellha toħroġ ordni alternattiva. Oħrajn li għalihom għad m’hemmx data ta’ meta se jaslu fil-pajjiż, ir-raġuni li ngħatat minħabba kwistjonijiet ta’ sorsi.

Id-Deputat Ian Vassallo għamel mistoqsija addizzjonali lill-Ministru fejn staqsih biex jikkjarifika għaliex il-mediċina ‘Mestinon’ li tintuża għal ‘myasthenia gravis’ qiegħda tkun out of stock, ġaladarba din il-mediċina ma kinitx waħda minn dawk imsemmija fil-lista pprovduta.

Dwar dan, il-Ministru Abela qal li jinsab infurmat li l-mediċina ‘Pyridostigmine’ hija disponibbli. ‘Myasthenia gravis’ hija disturb awtoimmunitarju b’mod kroniku fejn tibda tinqered il-komunikazzjoni bejn in-nervituri u l-muskoli, li jirriżultaw f’dgħufija tal-muskoli. Apparti minn hekk, Pyridostigmine hija t-tip ta’ mediċina li tittratta ‘myasthenia gravis’, filwaqt li l-isem tad-ditta ta’ din il-mediċina huwa Mestinon.