Lokali Parlament

30 sena mit-traġedja tal-Um el-Faroud, il-lant tax-xogħol jibqa’ jaħsad il-ħajjiet



Jerome Caruana Cilia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia fakkar it-30 sena mit-traġedja tal-Um el Faroud fit-Tarzna, li kienet ħasdet il-ħajja ta’ disa’ ħaddiema.

Waqt aġġornament fil-Parlament, huwa sellem il-memorja ta’ dawn il-ħaddiema, filwaqt li esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li wara dawn is-snin kollha, il-post tax-xogħol f’pajjiżna kompla jieħu ħajjet bosta ħaddiema, hekk kif 20 persuna tilfu ħajjithom matul l-2022 u l-2023, waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

It-traġedja tat-Tarzna kienet seħħet fit-3 ta’ Frar, meta t-tanker Um El Faroud, li kien sorġut fil-Baċir Numru 3, tard filgħaxija sploda u ħalla għadd ta’ vittmi, inkluż George Aquilina, Charles Callus, Mario Hales, Simon Mifsud, Simon Pisani, Angelo Sciberras u Anthony Vassallo li mietu fil-post. Paul Seguna u George Xuereb tilfu ħajjithom ftit wara, fl-Isptar San Luqa.

Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, Jerome Caruana Cilia, fakkar kif missieru, eks ħaddiem tat-Tarzna, kien f’kuntatt ma’ wħud minn dawn il-persuni proprju dakinhar stess tat-traġedja, u ħa l-opportunità biex isellem lill-qraba ta’ dawn il-vittmi. Huwa appella biex din it-traġedja tkun ta’ twissija biex l-awtoritajiet jieħdu bis-serjetà l-istandards fuq il-post tax-xogħol. “Irridu naraw li fuq il-post tax-xogħol ikollna l-aqwa standards, l-aqwa governanza u l-aqwa miżuri favur is-saħħa u s-sigurtà”, spjega d-deputat Caruana Cilia.

“Ma jistax ikun li raġel jew mara, omm jew missier, tifel jew tifla, jitilfu l-qraba tagħhom b’inċidenti fuq ix-xogħol”, appella d-deputat Nazzjonalista.

Id-deputat Jerome Caruana Cilia tkellem ukoll dwar il-politika tal-Partit Nazzjonalista dwar dan il-qasam u qal: “Aħna rridu politika ekonomika li tinvesti fil-ħaddiem, u mhux tużah, politika li toħloq opportunitajiet u tara li l-ġid li jitgawda minn kulħadd”.

Huwa esprima t-tħassib tiegħu u wassal il-messaġġ ta’ bosta kostitwenti li tkellem magħhom fl-aħħar ġimgħat, dwar id-diffikultajiet biex ilaħħqu mal-ħajja. Dan hekk kif f’pajjiżna d-distakk bejn dawk li jaqilgħu l-iktar u dawk li jaqilgħu l-inqas qed jikber dejjem aktar, kontra t-tendenza fl-Unjoni Ewropea.
Huwa kkwota analiżi tal-economic outlook għal Malta ppubblikata s-sena li għaddiet minn KPMG, li turi kif l-income inequality f’pajjiżna, magħrufa teknikament bħala l-Koeffiċjenti Gini, issa laħqet it-33%, rata ogħla mill-medja tal-UE li hi dik ta’ madwar 29.6%.

Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija reġa’ saħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid politika ekonomika li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tagħha, u li toħloq xogħol b’pagi li jrendu u mhux ħaddiema li ma jistgħux jaslu sal-aħħar tax-xaħar.

“Flimkien irridu naraw li dan kollu jkun ċentrali f’kull viżjoni ekonomika għal futur ta’ dan il-pajjiż”, temm jgħid Jerome Caruana Cilia.