L-aċċess għal servizzi bankarji għall-kumpaniji tjieb konsiderevolment fl-aħħar snin, hekk kif rappreżentanti tas-settur innutaw proċessi aktar effiċjenti u kollaborazzjoni akbar bejn banek, regolaturi u klijenti.
Dan irriżulta waqt seminar organizzat minn FinanceMalta, hekk kif rappreżentanti mill-industrija bankarja, minn kumpaniji fis-settur finanzjarju u mill-Financial Intelligence Analysis Unit, iddiskutew l-isfidi u l-aqwa prattiċi fil-ftuħ ta’ kontijiet bankarji għall-kumpaniji.
Bħala evidenza ta’ dan il-progress, id-Direttur tal-FIAU Alfred Zammit żvela ċifri mir-Reġistru Ċentralizzat tal-Kontijiet Bankarji (CBAR) li jindika li fl-2024, infetħu aktar minn 4,800 kont IBAN lil kumpaniji u arranġamenti legali oħra li kellhom tal-anqas sid benefiċjarju wieħed li mhux Malti.
Rappreżentanti minn bosta banek preżenti kkonfermaw din l-attitudni aktar pożittiva lejn in-negozju mal-kumpaniji, b’Ryan Caruana, Group Chief AFC Officer u MLRO tal-Bank of Valletta jinnota kif l-midja li fiha l-Bank kien qed jiftaħ kontijiet għall-kumpaniji niżlet minn kważi sitt xhur għal 42 jum. Is-Sur Caruana żvela wkoll li l-BOV issa qed iservi aktar minn 20,000 kumpanija, żieda ta’ medja ta’ 95 relazzjoni ġdida kull xahar.
Mark Drago, Chair tal-Financial and Cyber Crime & Fraud Standing Committee tal-Malta Bankers’ Association; spjega kif fattur li wassal għal dan it-titjib kien li aktar banek qed jimplimentaw strateġija bbażata fuq ir-riskji. “Din l-istrateġija turi maturità tal-parteċipanti kollha f’dan is-settur biex jiġġieldu l-ħasil ta’ flus, u dan jiddependi minn aċċess għal informazzjoni korretta u rilevanti”.
Kelliema mill-banek lokali qasmu eżempji ta’ prattika tajba biex jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet mal-kumpanija, u semgħu x’għandhom xi jgħidu l-prattikanti f’dan is-settur dwar liema sfidi jiltaqgħu magħhom l-aktar.
F’isem FinanceMalta, Bernice Buttigieg, Chief Strategy Officer, tkellmet dwar l-impenn ta’ din il-Fondazzjoni biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn dawk kollha involuti fl-industrija tas-servizzi finanzjarji, anke bħala parti mill-isforzi ta’ pajjiżna biex isaħħaħ il-kompetittivita tiegħu.
Hija fakkret ukoll il-ħidma fuq diversi fronti biex tissaħħaħ l-effiċjenza fis-settur bankarju, inkluż il-ħruġ ta’ tender mill-MBR għall-iżvilupp ta’ Central Data Repository (CDR). Din se tkun pjattaforma diġitali u sigura li se taħżen dokumenti u kredenzjali ta’ identita f’kartiera elettronika unika, aċċessibbli faċilment.
Fi tmiem is-seminar, Nick Captur u Karol Gabarretta, li jirrappreżentaw lill-IFSP u l-MBA rispettivament, esprimew apprezzament għal mod kif dan is-seminar qarreb il-partijiet differenti lejn xulxin u għen biex jingħelbu ċertu perċezzjonijiet żbaljati. Huma osservaw kif l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni għandu jkomplu jmexxi dawn ir-relazzjonijiet ‘l quddiem, għall-benefiċċju kemm tal-industrija iżda wkoll tal-ġurisdizzjoni finanzjarja Maltija.
//= $special ?>