Knisja Lokali

Edizzjoni ġdida ta’ ‘L-Ewwel Bibbja Tiegħi’


Bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-‘Ħadd tal-Kelma ta’ Alla’ u l-‘Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara’, il-pubblikazzjoni riċenti ta’ ‘L-Ewwel Bibbja Tiegħi’ qed tiġi reklamata sabiex tintroduċi lit-tfal għall-istejjer tal-Bibbja, li joffru għerf u valuri għal dejiem.

Stampat mill-Fondazzjoni Biblika Maltija, din l-addattazzjoni bil-Malti ta’ Beginner’s Bible – klassiku li biegħ aktar minn 25 miljun kopja madwar id-dinja kollha sa mill-1989 – jinkludi fih stejjer maħsuba apposta għal qarrejja żgħar. L-edizzjoni aġġornata tinkludi test modernizzat akkumpanjat b’xogħol artistiku uniku, li jagħti laqta kontemporanja lil dawn l-istejjer.

‘L-Ewwel Bibbja Tiegħi’ tinsab għall-bejgħ fi ħwienet tal-kotba ewlenin madwar Malta u Għawdex, kif ukoll online minn https://bible.mt/.

Imwaqqfa fl-2021, il-Fondazzjoni Biblika Maltija ppubblikat dan ix-xogħol bħala parti mill-mandat uffiċjali tagħha mogħti lilha mill-Konferenza Episkopali Maltija biex tibni fuq ix-xogħol fejjiedi li wettqet l-Għaqda Biblika Maltija f’pajjiżna fl-1958, biex tippromwovi l-Bibbja lil kulħadd.

Biex tindirizza l-ħtiġijiet pastorali tal-lum, il-Fondazzjoni Biblika Maltija hi wkoll membru attiv tal-Federazzjoni Biblika Kattolika u s-soċjetajiet Bibliċi Magħquda (UBS), żewġ organizzazzjonijiet internazzjonali stmati li jippromwovu t-tqassim tal-Bibbja madwar id-dinja.

Il-Fondazzjoni Biblika Maltija hi wkoll responsabbli mill-aġġornament kontinwu tat-traduzzjoni Maltija tal-Bibbja mit-testi oriġinali Griegi u Ebrajċi. Dan jiżgura li t-traduzzjoni tibqa’ tirrifletti l-aħħar studji xjentifiċi fl-iskrittura, filwaqt li taddatta għall-evoluzzjoni tal-lingwa Maltija.

Għal dawk li qed ifittxu Bibbja b’lingwa differenti, il-Fondazzjoni Biblika Maltija tħeġġeġ lill-pubbliku jagħmel kuntatt magħha billi jibgħat fuq info@bible.mt.

Għal aktar informazzjoni żur https://bible.mt/.