Lokali

Il-ġbejna tan-nagħaġ Maltija protetta bħala ikel uniku fid-dinja

Aħbar sabiħa għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. F’post fuq Facebook, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP għal Malta u Għawdex Roberta Metsola ħabbret li wara snin ta’ diskussjonijiet u negozjati intensivi, l-Unjoni Ewropea ddikjarat il-ġbejna tan-nagħaġ Maltija bħala protetta.

Roberta Metsola spjegat li “dan kollu jfisser li mhux biss se nkunu aħna l-Maltin u l-Għawdxin li nipproteġu u nippromwovu l-ġbejna tan-nagħaġ mal-barranin u t-turisti, imma se tkun l-Ewropa stess li tirriklama dan il-prodott Malti bħala prodott artiġjanali u reġjonali.”

B’hekk, minn issa ‘l quddiem, il-ġbejna tan-nagħaġ Maltija se titpoġġa f’lista li tinkludi ikel bħal Parmigiano Reggiano tal-Italja, il-birra ta’ Munich, u l-ġobon Feta tal-Greċja.

Din hi l-ewwel darba li ikel artiġjanali Malti ġie ddikjarat bħala protett mill-Unjoni Ewropea.

Fuq Facebook, Roberta Metsola rringrazzjat lill-attivisti u lir-raħħala li ħadmu flimkien biex jinkiseb dan ir-riżultat. “Dan hu kif nistgħu nkomplu nipproteġu l-wirt u t-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin u Għawdxin. Dan hu kif nagħmlu suċċess mill-Unjoni Ewropea,” temmet tgħid Roberta Metsola.