Lokali

“Il-Gvern qata’ qalbu mis-saħħa” – PN

Il-Ministru f’kantuniera, jinfexx f’attakki personali biss

Wara snin ta’ serq, ingann u kollużjoni mal-frodisti fil-qasam tas-saħħa, ħadd mhu qed jistenna li l-Gvern li ġab b’idejh il-kriżi li jinsab fiha dan il-qasam jista’ jkun hu stess li jsolviha.

Min ħoloq il-problema ma jistax ikun is-soluzzjoni. Fis-saħħa l-Gvern falla. Il-Labour qata’ qalbu mis-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin.

F’konferenza tal-aħbarijiet proprju quddiem id-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia u x-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali Ian Vassallo qalu li hija weġgħa kbira għall-poplu Malti li jara l-Gvern f’liema stat ġab lill-Isptar Mater Dei – b’dan l-isptar prinċipali ta’ pajjiżna qed jegħreq f’kull sens, kemm mill-aspett ta’ struttura, mill-aspett tal-istaff u professjonisti mediċi li jipprovdu s-servizzi tagħhom fih, kif ukoll u fuq kollox mill-aspett tas-servizz tas-saħħa li suppost joffri lill-pazjenti.

Huma spjegaw kif in-nuqqas ta’ investiment u ppjanar mill-Gvern, u l-istat ta’ abbandun li tħalla fih il-qasam tas-saħħa issa ġab lil pajjiżna fi kriżi li wasslet biex anke l-Ministru għas-Saħħa stess issa qed ikollu jammetti li għandna emerġenza u li s-sistema waslet biex tikkrolla.

Imma minflok jara kif se jsolvi din il-kriżi, il-Ministru Jo Etienne Abela qed jammetti li l-Gvern ma għandux is-soluzzjonijiet u minflok jagħti l-garanziji, qed jagħżel li jipprova jikkonslana li hemm pajjiżi oħra li jinsabu fl-istess sitwazzjoni tagħna, jew agħar minna.

Il-Gvern qed jammetti l-falliment tiegħu fil-qasam tas-saħħa u li wasal fi stat li jekk ma jdurx fuq is-settur privat, kollox se jkompli jikkrolla għax ma għandu l-ebda idea oħra fejn se jirrikkorri biex isolvi s-sitwazzjoni.

Dan kollu, spjegaw Adrian Delia u Ian Vassallo, seta’ faċilment jiġi evitat minħabba li wasalna s’hawn minħabba nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern f’diversi oqsma li ilna nafu s-snin li jekk ma jiġux indirizzati, se jinbidlu fi problemi. Fost dawn hemm iż-żieda fil-popolazzjoni bla ebda pjan imma wkoll il-mard staġjonali u n-numru limitat ta’ sodod biex ilaħħqu mad-domanda dejjem tikber.

Iż-żewġ kelliema fakkru wkoll fi problemi oħra li qed jifnu l-qasam tas-saħħa, u li wkoll ġabhom b’idejh il-Gvern, fosthom il-wegħdiet fiergħa ta’ proġetti li baqgħu ma twettqu qatt jew illum intesew għalkollox bħalma huma l-isptar il-ġdid ta’ Għawdex, il-Mother-Baby Hospital, l-Outpatients il-ġdid u l-isptar il-ġdid għas-saħħa mentali.

Dan apparti problemi oħra fil-qasam tal-kura primarja bħalma huma ċ-ċentru tas-saħħa magħluq fir-Rabat, il-binja kkundannata fil-Furjana, il-famuża wegħda tal-Hub tat-Tramuntana li ma mmaterjalizzatx, il-problema bil-Hub ta’ Raħal Ġdid, imma wkoll kwistjonijiet oħra bħal tal-mediċini out-of-stock u antikwati.

Quddiem dan kollu, għax rashom iebsa, minflok ħasbu biex jilqgħu għal dawn il-problemi, il-Gvern u l-Ministru għas-Saħħa infexxew jattakkaw lit-tobba u lill-Oppożizzjoni li mhux biss qed tagħmel kritika kostruttiva, imma qiegħda wkoll toffri l-assistenza tagħha biex jinstabu s-soluzzjonijiet meħtieġa.

Minflok jaħdem mat-tobba u ma’ min qed joffrilu l-għajnuna, il-Gvern jattakka – anke b’mod personali – lil min għandu jaħdem miegħu biex jinstabu s-soluzzjonijiet.

Il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għall-qasam tas-saħħa u Gvern ġdid Nazzjonalista jassigura, fost l-oħrajn, li:

  • Pajjiżna jkollu ċentri tas-saħħa li jaħdmu, inkluż il-Hubs fit-Tramuntana u n-Nofsinhar
  • Isir investiment fl-Isptar San Luqa u dan ikun inkorporat fis-sistema tas-saħħa biex jiżdied sostanzjalment in-numru ta’ sodod għall-pazjenti u ma nħallux pazjenti fil-kurituri, stores u canteens
  • Jinbena sptar ġenerali ġdid f’Għawdex
  • Isir investiment bis-serjetà fil-mediċini
  • Flusek imorru fuq in-nefqa f’dak li verament għandna bżonn u mhux fuq il-bejgħ ta’ sptarijiet lill-frodisti bħalma għamel dan il-Gvern ma’ Vitals u Steward
  • Ikun hemm apparat tas-saħħa mill-aktar modern, li jgħin bl-aqwa mod fil-kura tal-pazjent; 
  • Ikunu mtejba l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa biex ikunu attirati aktar nies lejn dawn il-professjonijiet;
  • Jinvesti fl-anzjani tagħna
  • Jinvesti fis-saħħa mentali u fi sptar ġdid f’dan is-settur li ilu jiġi mwiegħed snin twal u li qatt ma sar


Fl-isfond ta’ dan kollu, qalu ż-żewġ Shadow Ministers, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ joffri l-għajnuna tiegħu u jwassal il-proposti tiegħu, waqt li jibqa’ jappella għad-djalogu madwar il-medja li lest ikun parti minnu biex jagħti s-sehem tiegħu f’dan il-qasam daqstant delikat.

Għax il-PN, kuntrarju għall-Gvern Laburista, jimpurtah mill-ħaddiema u mill-pazjent. Jimpurtah minnek.

Għax għall-PN, il-pazjent dejjem jiġi l-ewwel.