Lokali

Il-UPE tikkundanna azzjoni li ttieħdet minħabba l-orjentazzjoni sesswali ta’ għalliem

II-Union of Professional Educators fissret dak li seħħ riċenti fejn studenti ġew irtirati minn skola lokali minħabba l-orjentazzjoni sesswali ta’ għalliem, bħala sitwazzjoni assurda u ta’ dieqa li l-kapaċitajiet professjonali jiġu mċajpra minn identitajiet personali.

Fi stqarrija, l-UPE qalet li temmen li l-kwalifiki u l-abbiltajiet ta’ għalliem huma indipendenti mill-orjentazzjoni sesswali. Il-kompetenza, id-dedikazzjoni u l-passjoni ta’ għalliem biex joħloq ambjent pożittiv ta’ tagħlim għandhom ikunu dak li tassew jgħodd.

Il-UPE esprimiet l-appoġġ sħiħ lill-iskola affettwat u lesta tassisti b’kull mod possibbli biex tiżgura li l-edukaturi jħossuhom stmati u appoġġjati fir-rwol tagħhom.

Appellat lill-ġenituri, lill-istudenti u lill-edukaturi biex jieħdu pożizzjoni kontra d-diskriminazzjoni u jħaddnu l-valuri tal-aċċettazzjoni biex flimkien, noħolqu kultura skolastika li tirrifletti d-dinja diversa.