Internazzjonali

It-Turkija: ‘Iridu jsiru l-kontijiet’ wara n-nirien qattiela fil-lukanda ta’ Bolu

Il-pajjiż kollu qed josserva perjodu ta’ luttu għas-76 vittma tan-nirien li fil-bidu tal-ġimgħa ħakmu lukanda popolari mad-dilettanti tas-skiing f’Bolu, lejn il-Grigal tat-Turkija. In-nirien infirxu madwar il-Grand Kartal Hotel waqt li l-kumpless kien ippakkjat bir-residenti li kienu qed igawdu l-btajjel tagħhom.

Intant, l-awtoritajiet Torok qed imexxu l-investigazzjonijiet relatati mal-inċident u meta hemm id-dubji dwar kemm l-amministraturi tal-lukanda kienu qed jirrispettaw il-kriteriji għas-sigurtà tar-residenti.

In-nirien qerdu parti sostanzjali tal-lukanda, bl-iskwadri tal-firefighters li wieġbu għall-emerġenza jdumu tal-anqas 12-il siegħa biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Dritt wara, l-Pulizija arrestaw tal-anqas disa’ persuni – fosthom is-sid tal-lukanda – biex jgħinu fl-istħarriġ relatat.

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, fl-aħħar sigħat, żar l-inħawi tal-lukanda f’Bolu fejn qal li ‘jridu jsiru l-kontijiet ma’ kull min kien responsabbli għal kwalunkwe negliġenza li kontribwiet għat-traġedja’. U waqt li l-iskwadri ta’ search and rescue  għadhom qed ifittxu għall-katavri fis-sezzjonijiet tal-lukanda, saru wkoll l-ewwel funerali tal-vittmi li nstabu maħruqin fil-kmamar tal-kumpless.