Il-qawwiet Iżraeljani qed iwettqu kampanja militari sinifikanti fiz-zona ta’ Jenin, fix-Xatt tal-Punent okkupat. Fl-azzjonijiet inqatlu tal-anqas għaxar Palestinjani armati u fost rapporti li l-midruba qabżu sew il-ħamsin.
Il-midja Palestinjana sostniet li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, fl-aħħar ħinijiet. kellhom sehem kbir fl-azzjonijiet militari waqt li ammont kbir ta’ truppi komplew jinfiltraw il-belt ta’ Jenin – b’mod partikulari l-kamp għar-refuġjati f’dawn l-inħawi fejn mifhum li hemm il-gruppi tal-Ġiħadisti Palestinjani.
Fil-kampanja tal-aħħar sigħat, kienu anki utilizzati numru ta’ drones, ħelikopters u bullodozers – bil-Gvern Iżraeljan itenni li l-azzjonijiet qed jitmexxew b’mod estensiv u bil-ħsieb li l-militar ‘jeqred lit-terroristi li qegħdin ifasslu l-pjani qattiela fil-qalba ta’ Jenin’.
Dan meta l-belt ta’ Jenin ilha żmien meqjusa bħala fortizza għall-gruppi tal-Palestinjani armati – fosthom il-Ġiħadisti fanatiċi li qed jattakkaw liċ-ċittadini fl-ibliet ta’ Iżrael.
Il-kampanja militari fix-Xatt tal-Punent hi wkoll sinifikattiva għaliex qed isseħħ tlett ijiem biss wara l-bidu tal-waqfien tal-gwerra li kienet ilha għaddejja f’Gaza għal ħmistax-il xahar. Hemm anki pronostiku għal aktar jiem ta’ vjolenza fix-Xatt tal-Punent, bl-inklużjoni tar-residenti Iżraeljani armati li wkoll qed jinvolvu ruħhom fl-azzjonijiet kontra l-Palestinjani fl-inħawi.
//= $special ?>