Lokali Parlament

Jeħtieġ kampanji edukattivi dwar il-komunità LGBTIQ biex ikunu eliminati perikli li dawn jgħaddu minnhom

Graziella Attard Previ, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ sostniet fl-Aġġornament tal-Parlament li jeħtieġ kampanji edukattivi dwar il-komunità LGBTIQ biex ikunu eliminati perikli li dawn jgħaddu minnhom.

Graziella Attard Previ qalet li fl-2023 kien hemm 27 persuna li għamlu suwiċidju, li 24 minnhom kienu rġiel. Tnejn minnhom kienu taħt it-18-il sena. Hi qalet li min jagħmel suwiċidju jkun irid itemm biss is-sitwazzjoni li jkun fiha u ma jkunx irid itemm ħajtu.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li s-soluzzjonijiet għall-problema jkunu jidhru fit-tul u għalkemm l-għajnuna teżisti, għad hawn ħabi marbuta ms-suwiċidju. Studji internazzjonali juru li r-rati ta’ suwiċidju fost il-persuni LGBTIQ huma ogħla min-normal. Jeħtieġ li jsir studju dwar din is-sitwazzjoni f’Malta għaliex is-soċjetà jeħtieġ li jkollha bażi biex tieħu azzjonijiet.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li li fin-nuqqas ta’ dan l-istudju lokali, trid issir riferenza għal studju internazzjonali. Id-dikjarazzioni tal-President Amerikan Donald Trump li jirrikonoxxi biss żewġ ġeneri. ma tawgurax tajjeb għall-komunità LGBTIQ, sostniet id-deputat Attard Previ li semmiet kif f’pajjiżi oħra bħall-Iran, din il-komunità lanqas biss hi rikonoxxuta. Malta qed tibgħat persuni LGBTIQ lura pajjiżhom u ma tirrikonoxxihomx bħala persuni li jkunu qed ibatu l-persekuzzjoni f’pajjiżhom.

Jirriżulta li fl-2023 wieħed minn kull 10 persuni LGBTIQ ikkontemplaw suwiċidju, qalet id-deputat Nazzjonlista, li kompliet li hemm rati għolja ta’ ħsieb dwar suwiċidju, anki fost persuni liżbjani u trans. Minkejja l-liġijiet, il-mentalità ddum is-snin biex tinbidel, qalet Graziella Attard Previ, li komplet li fid-djar u fil-moħbi għad hemm ħafna nies LGBTIQ li qed ibatu gax qed jgħixu f’gidba.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li sakemm jammettu l-pożizzjoni tagħhom, il-persuni LGBTIQ jgħaddu minn diffikultajiet kbar. Hi sostniet li dan kollu qed jaffettwa bil-kbir lil dawn il-persuni. Jeħtieġ iktar investiment fis-saħħa u fil-kura mentali għaliex kull ġurnata bla investiment hi sogru li iktar nies imutu għalxejn.

Jeħtieġ ukoll iktar kampanji edukattivi dwar il-komunità LGBTIQ biex dawn il-persuni jkunu iktar aċettati fis-soċjetà, sostniet Graziella Attard Previ.