Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina ddikjara fil-parlament li, b’kummenti li għaddielu fil-parlament stess, il-Prim Ministru Robert Abela sfidah għall-ġlied barra l-parlament.
Din id-dikjarazzjoni Karol Aquilina għamilha meta kien qed jitkellem fis-seduta parlamentari tal-lum.
Karol Aquilina qal li hemm diversi liġijiet li ilhom pendenti tant li wħud minnhom intesew għax ikunu saru bl-għaġġla waqt li l-abbozzi tal-Oppożizzjoni ma jitressqu qatt fil-parlament. Din hi sistema intenzjonata, sostna Karol Aquilina, li tkellem dwar proposti biex il-parlament ikun rispettat u li jaġixxi kif suppost.
Id-deputat Nazzjonalista qal li jiskanta kif is-Sedja mhijiex tisma’ ċertu kliem li jgħidu deputati Laburisti u appella biex is-Sedja tibda tisma’ dan il-kliem li jgħidu deputati Laburisti.
Karol Aquilina kompla li waqt ir-ruling li ta l-Ispeaker illum, il-Prim Ministru rrifera għalih u qallu ‘oħroġ barra ħa nurik’. Hu qal li jirrifjuta li jidħol fi ġlieda ma’ xi ħadd u jirrifjuta li jaċċetta l-isfida tal-Prim Ministru għall-ġlied. Id-deputat Nazzjonalista sostna li lilu jistgħu joffenduh iżda mhux aċċettabbli li jiġi sfidat għall-ġlied mill-Prim Ministru.
L-Ispeaker intervjena u qal li ma kienx sema’ dak id-diskors li qed jirreferi għalih Karol Aquilina.
Id-deputat Nazzjonalista qal li dan hu t-tip ta’ Prim Ministru li għandu l-pajjiż u appella lill-Prim Ministru biex jiftakar li hu l-Prim Ministru li taħtu għandu l-forzi tal-ordni fil-pajjiż li jistgħu jissorveljawh jew jarrestwh. Karol Aquilina sostna li dan mhux aċċettabbli u żied li l-parlament qed jinżel ‘l isfel anki fil-kuntest tal-attendenza parlamentari, li fih jattendu deputati mill-inqas.
Hu qal li lanqas l-ovvju mhu rispettat fil-parlament u żied l-ministri u s-segretarji paramentari lanqas qed jippubblikaw id-dikjarazzjonijiet tal-assi tagħhom. Agħar minn hekk il-parlament għandu regola li jekk deputati jirreferi għal dokument dan irid jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Mhux possibbli li jsiru tfittxijiet għal dawn id-dokument u għalhekk mhux aċċettabbli li ma jkunx hemm lanqas dan ir-rispett bażiku.
Karol Aquilina qal li l-Ispeaker għandu l-poter u l-għarfien u jiddeċiedi kif meħtieġ għall-ġid tal-parlament biex il-livell jgħola. Fil-parlament hawn nuqqas ta’ sinċerità anki dwar l-iktar affarijiet bażiċi; għalhekk għandu jkun hemm konsistenza. Fil-parlament hemm differenzi kbar bejn dak li jsir il-gvern u dak li tista’ tagħmel l-Oppożizzjoni tant li deputat ma jistax iressaq liġi u tkun diskussa.
Fil-parlament Malti llum ikun diskuss biss dak li jrid il-gvern, sostna Karol Aquilina, li kompla li l-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa ilu iktar minn sena ma jiltaqa’. Il-gvern komdu li jħalli l-parlament jitkisser; anki fil-mod tal-mistoqsijiet parlamentari li ħafna minnu qed jittieħed mir-rulings tal-Ispeaker.
Karol Aquilina qal li l-gvern lanqas qed iwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari bażiċi dwar min huma l-konsulenti tal-gvern stess fejn wieħed mill-konsulenti tal-Ministru tal-Ġustizzja hu l-ex Avukat Ġenerali Peter Gatt. Jeħtieġ li l-parlament ibiddel il-mod kif jaħdem fosthom fil-mod kif ikunu mwieġba l-mistoqsijiet parlamentari, il-ħin tal-mistoqsijiet m’għandux jitnaqqas minħabba r-rulings, fil-mod kif id-deputati Laburista jifthemu mal-ministri biex jagħmlulhom il-mistoqsijiet li jridu u l-ħabi dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri.
Hu inutli li dawn id-dikjarazzjonijiet jinżammu għand is-Segretarju tal-Kabinet għaliex inkella ħadd ma jarhom, sostna Karol Aquilina, li qal li l-ministri qed jagħmlu dikjarazzjonijiet fażulli dwar kemm għandhom assi u flus il-bank. Id-dikjarazzjonijiet tal-assi 2023 għadhom mhux magħrufa u għalhekk ma jistax isir skurtinju ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet.
Il-prassi kienet li dawn jitpoġġew fuq il-Medja tal-Kamra, sostna Karol Aquilina, li kompla li m’hemm l-ebda raġuni għaliex dawn ma jkunux ippubblikati. Hu staqsa jekk hemmx xi ħadd li għamel xi dikjarazzjoni li issa qed jirriżulta li mhijiex korretta u jekk hemmx xi ħadd li jagħmel dikjarazzjoni u bdew l-investigazzjonijiet dwar il-ġid li għandu.
Karol Aquilina staqsa wkoll għaliex hemm dan il-ħabi minn gvern li ma tgħallem xejn u kompla li l-gvern kellu jifhem li iktar ma jifhem iktar se jikbru s-suspetti. Hemm min għandu xi raġuni għaliex ma jridux li d-dikjarazzjonijiet tal-assi jkunu pubblikati? In-nies qed tistaqsi kif ċertu ministru qed jgħixu ħajja lussużi mill-paga tal-ministeru, sostna Karol Aquilina, li kompla li issa kulħadd qed jifhem għaliex il-gvern kien oppona l-liġi tal-PN dwar il-ġid mhux magħruf.
Din il-liġi għandha ssir b’mod immedjat fuq il-politiċi, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-Kap tal-Uffiċċju tal-Pulizija li suppost jinvestiga l-ħasil tal-flus jinsab akkużat li xxaħħam minn miljunarju li suppost kien qed jinvestigah.
Dwar dan, il-gvern ma jgħid assolutament xejn, anzi meta l-PN kien jitkellem, il-gvern kien jgħid ‘ħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu’. Dan biex min kien imexxi jdaħħal il-flus fil-but. Hu semma’ diskors li kien għamel dwar 17 Black u qal li llum hemm inkjesta maġisterjali li mhijiex ippubblikati; din għandha tkun ippubblikata għaliex mhijiex propjetà tal-gvern jew tal-Avukat Ġenerali iżda tolqot il-ħajja tan-nies. Din tinvolvi nies li ħadu mijiet ta’ miljuni minn fondi pubbliċi u li kien hem pjan kriminali dwar kif ittieħdu ċertu deċiżjonijiet fil-pajjiż, sostna Karol Aquilina.
//= $special ?>