L-Eks Supretendent Ray Aquilina kien għadu fil-Korp tal-Pulizija meta daħal fi ftehim ma’ Yorgen Fenech dwar il-bejgħ ta’ proprjetà tal-ġenituri tiegħu f’Birżebbuġa. Aquilina kien imexxi t-Taqsima ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus.
Raymond Aquilina u n-negozjant Yorgen Fenech qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus b’rabta ma’ trasferiment ta’ arja biex tiġi żviluppata, f’Birżebbuġa. Din irriżultat minn xhieda li ngħatat l-Erbgħa fil-Qorti.
Aquilina kien ġie arrestat fl-2021 fuq suspetti li kixef informazzjoni marbuta mal-investigazzjoni tal-assassinju. Illum, hu m’għadux iservi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Magħhom, tressaq ukoll in-nutar Mario Bugeja li qed iwieġeb mhux ħati għal ħasil ta’ flus.
Fil-Qorti llum, l-ewwel ma xehed kien is-senior executive ta’ JobsPlus li ppreżenta rekord tax-xogħol tal-akkużati u l-ġenituri ta’ Aquilina. Huwa qal li Aquilina kien ilu jaħdem fil-Korp tal-Pulizija mill-1995 u baqa’ sa Settembru 2020 meta l-entità ġiet infurmata li rtira.
Warajh, xehed l-Ispettur Shaun Paul Friggieri dwar l-investigazzjoni tal-każ u kif f’Diċembru 2019 il-Pulizja rċeviet notitia criminis (avviż imwassal lil prosekutur li l-allegat reat kien seħħ) mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia li allegat li informazzjoni sensittiva dwar l-investigazzjoni tal-qtil kienet inkixfet minn uffiċjali pubbliċi lil persuni terzi.
Dan sar xahar wara l-arrest ta’ Fenech fl-20 ta’ Novembru 2019. Wara nfetħet inkjesta maġisterjali dwar dan u fl-2020, saru tfittxijiet f’Portomaso biex ġew elevati rekords ta’ liema persuni daħlu u ħarġu fil-post. Ta’ min jinnota li sa dan il-punt, Aquilina kien għadu qed iservi fil-Korp u kien involut fl-investigazzjoni ta’ 17 Black.
Hu elenka l-persuni li xehdu fl-inkjesta, fosthom il-kuġin ta’ Fenech, ħaddiema f’Portomaso u persuni marbutin mal-proprjetà inkwistjoni ta’ Birżebbuġa. L-investigazzjoni sabet li fil-mowbajl ta’ Fenech, instabu żewġ numri ta’ karti tal-identità li nstabu li kienu tal-ġenituri ta’ Aquilina.
Kemm-il darba tkellmu bejniethom b’Aquilina fittex 11-il darba fuq Fenech fuq d-database tal-Pulizija
Wara, instab li permezz tal-app Signal, Aquilina u Fenech kienu qed jitkellmu bejniethom, bl-Ispettur jikkonferma li dawn iċ-chats ġew preservati. Chats oħra bejn Yorgen Fenech mal-iżviluppatur Joseph Portelli u ma’ Bugeja lkoll ġew ippreservati, filwaqt li chats oħrajn tneħħew peress li Signal jippermetti lill-utent tiegħu jneħħi awtomatikament il-messaġġi li jibgħat u jirċievi wara ċertu żmien.
L-investigazzjoni daret fuq din il-proprjetà liema x-xiri tagħha nstab li kien kofinanzjat minn Fenech stess. Messaġġ wieħed li ntbagħat kien sabiex il-kuġin ta’ Fenech ibigħ il-karozza Jaguar tiegħu għal madwar €70,000 u dawn il-flus jitnaqqsu mill-prezz totali tal-appartament. Iżda dan il-pjan qatt ma seħħ.
Aquilina fittex 11-il darba għal isem Fenech u n-numru tal-karta tal-identità tiegħu fuq id-database tal-Pulizija u li dawn it-tfittxijiet kollha ġew reġistrati. L-ewwel darba li Aquilina fittex għal Fenech kienet f’Awwissu 2018 u l-aħħar tfittxija saret fi Frar 2019.
Fil-21 ta’ Marzu 2019, Fenech bagħat lill-aġent li kien qed jieħu ħsieb il-bejgħ tal-proprjetà u qallu li kien jafda lil Bugeja u ma kellu l-ebda problema jħallas b’liema mod jixtiequ s-sidien. “Cash, ċekk, karozzi, barra minn Malta. Għandi miljun f’cash”, qal Fenech f’dan il-messaġġ.
L-Ispettur spjega li l-proprjetà kienet marbuta ma’ bosta persuni involuti fis-settur tal-kostruzzjoni u semma lil Kurt Polidano li kellu l-prokura ta’ Portelli biex jiffirma għalih, u lil Clifton Cassar. Eventwalment, bl-involviment tal-ġenituri ta’ Aquilina, ġie ffirmat il-konvenju għall-appartament.
Iċ-chats li ġew elevati sabu wkoll li meta Aquilina żar lil Fenech, dan għamilha ċara lill-iskrivana tiegħu biex ma ddaħħalx ismu fis-sistema. Instab ukoll li kull persuna involuta fil-bejgħ tal-proprjetà inkwistjnoi bdew jitkellmu direttament ma’ Fenech minflok mal-ġenituri ta’ Aquilina.
L-appartament u l-garaxx li kien hemm miegħu eventwalment inbiegħu għal aktar minn €60,000, prezz li tqies bħala wieħed baxx wisq. L-Ispettur semma li kien hemm tħassib fl-investigazzjoni dwar kif inħareġ self għall-propjetà ferm wara li nbiegħet, xi ħaġa li qajmet dubji dwar kif ġie finanzjat ix-xiri tal-appartament.
Mistoqsi mill-avukat Charles Mercieca, għal Yorgen Fenech, jekk il-klijent tiegħu għamilx xi gwadann finanzjarju minn dan il-bejgħ ta’ appartament, l-Ispettur qal li m’hemmx evidenza ta’ dan u lanqas ma hemm rikavat kriminali mill-kont bankarju tiegħu.
Wara x-xhieda tal-Ispettur, il-Qorti semgħet is-sottomissjonijiet dwar l-ordnijiet ta’ ffriżar tal-assi tal-akkużati, bid-difiża targumenta li huwa ċar li Fenech ma għamel l-ebda gwadann ekonomiku minn dan il-bejgħ ta’ proprjetà u m’għandux jinħareġ ordni ta’ ffriżar kontrih. Il-Prosekuzzjoni qalet li mhuwiex il-każ li flus li jiġu ffriżati bilfors se jiġu kkonfiskati.
Il-każ ikompli fit-3 ta’ Frar.
L-Eks Kap tat-Taqsima tal-Pulizija kontra l-Ħasil tal-Flus qed jiġi mixli b’ħasil ta’ flus u korruzzjoni flimkien man-negozjant Yorgen Fenech. Magħhom ġie mixli wkoll nutar fuq ħasil ta’ flus bil-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello. Huma lkoll tressqu b’ċitazzjoni u mhux b’arrest.
Ray Aquilina ta’ 59 sena kien ġie arrestat għall-ewwel darba f’April 2021 bħala parti minn investigazzjoni usa’ dwar il-pulizija u uffiċjali tal-gvern li potenzjalment ħarġu informazzjoni sensittiva lil suspettati fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fenech, ta’ 43 sena, minn naħa tiegħu jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Caruana Galizia fl-2017 f’karozza bomba barra d-dar tal-ġurnalista. L-Erbgħa, l-Eks Supretendent ġie mixli b’korruzzjoni, ħruġ ta’ sigrieti uffiċjali, ħasil ta’ flus u ġurament falz filwaqt li Fenech ġie mixli b’kompliċità fil-korruzzjoni ta’ uffiċjal pubbliku u ħasil ta’ flus.
Huma qed iwieġbu mhux ħatja flimkien man-nutar Mario Bugeja, li fl-istess każ kien mixli b’ħasil ta’ flus. Bħala parti mill-leaks, l-investigaturi kienu ffukaw fuq il-bejgħ ippjanat ta’ appartament f’Birżebbuġa lil Aquilina, li Fenech kien suspettat li kellu x’jaqsam mal-bejgħ.
Il-Maġistrat Rachel Montebello qed tisma’ l-każ. L-Ispettur Shaun Paul Friggieri qed imexxi l-Prosekuzzjoni bl-assistenza tal-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Andrea Zammit u Gary Cauchi. L-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran qed jirrappreżentaw lil Fenech. L-avukat Lennox Vella qed jirrappreżenta lil Aquilina. L-avukat Franco Debono qed jirrappreżenta lil Bugeja.
//= $special ?>