L-MEP Peter Agius talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni minnufih sabiex tieqaf id-diskriminazzjoni li qed jiffaċċjaw diversi bdoti kummerċjali li jbatu bid-dijabete tat-tip 1 fl-Unjoni Ewropea.
Kuntrarju għall-bdoti fl-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja, il-bdoti bid-dijabete fl-UE, wara d-dijanjosi, qed jitilfu l-liċenzji u l-karrieri tagħhom minħabba l-kundizzjoni medika. Dan minkejja li l-progress fit-teknoloġija għall-immaniġġjar tad-dijabete qed jiżgura li titjiriet ikunu siguri.
Il-protokoll attwali tal-UE, l-EASA ARA.MED.330, jipprovdi biss dispożizzjonijiet limitati biex persuni bid-dijabete kkontrollata b’mod tajjeb jiksbu ċertifikat mediku biex itiru. Madankollu, dan il-protokoll ġie adottat biss minn ftit Stati Membri u juża metodi skaduti bħall-monitoraġġ taz-zokkor bil-fingerstick.
Fl-istess ħin, pajjiżi barra l-Ewropa implimentaw sistemi aġġornati li jużaw monitoraġġ kontinwu taz-zokkor (CGM) u teknoloġiji għall-għoti tal-insulina, li jiżguraw is-sigurtà filwaqt li jippermettu lill-bdoti bid-dijabete jkomplu jtiru.
“Kont ikkuntattjat minn bdot li għandu d-dijabete’. Huwa sfortunatament qed jara dak li ħadem għalih jisfaxxa mix-xejn u mhux iġeddulu l-liċenzja tal-avjazzjoni. Irrid ngħinu u naqbżu għal dawn in-nies. Il-progress fit-teknoloġija jagħmilha possibbli li dawn l-individwi jikkontrollaw il-kundizzjoni tagħhom b’mod sigur, iżda l-politika tal-UE baqgħet lura, u qed iġiegħluhom jabbandunaw il-karrieri tagħhom. Dan mhux aċċettabbli”, qal l-MEP Peter Agius.
L-MEP Agius ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħaffef l-isforzi tagħha qabel ma tiġi ppubblikata r-riċerka tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA) f’Ottubru ta’ din is-sena. Fl-Ittra tiegħu lill-Kummissarrju Varhely, Agius talab:
1. Aġġornament dwar din ir-riċerka tal-EASA u kif bi ħsiebha tinkorpora għodod moderni għall-immaniġġjar tad-dijabete.
2. X’Passi se jittieħdu biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jadottaw standard adegwat u inklussiv.
3. Miżuri konkreti biex tiġi indirizzata l-piż professjonali u emozzjonali fuq il-bdoti bid-dijabete.
“Dawn il-bdoti fl-Ewropa jistħoqqilhom opportunitajiet indaqs. Wasal iż-żmien li l-UE tadotta soluzzjonijiet moderni u telimina d-diskriminazzjoni,” temm jgħid Peter Agius.
//= $special ?>