Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: Ħtieġa urġenti għal investiment ferm akbar fid-difiża tal-kontinent – Kaja Kallas

Il-Kap tal-Aġenzija għad-Difiża tal-Ewropa, Kaja Kallas, għamlitha ċara, waqt diskors fi Brussell, li l-Unjoni Ewropea teħtieġ iżżid l-ispiża fuq l-aspetti ta’ difiża biex tipprepara għall-‘agħar xenarji’ fi żmien ta’ tensjoni għall-kontinent kollu.

Kallas qalet dan waqt ‘keynote speech’ relatat mal-Konferenza Annwali tal-Aġenzija EDA bit-tema ‘New Horizons in EU Defence’ – u fejn insistiet dwar il-bżonn li l-Ewropa, f’każ li jkun neċessarju, għandha tkun kapaċi biex tiddefendi ruħha kontra pajjiż aggressiv bħalma hi r-Russja.

Kallas wissiet li ħafna fost l-aġenziji nazzjonali għas-servizzi sigrieti qed jipprovdu kontinwament l-informazzjoni li r-Russja – minn tlieta sa ħames snin oħra – se tkun kapaċi tisfida lill-kapaċitajiet tal-UE biex tiddefendi l-interessi tagħha.

Hi spjegat li r-Russja, fi żmien tliet xhur, kapaċi tipproduċi aktar armamenti u munizzjon milli jistgħu s-27 Stati tal-UE, bħala kollettiv, fi tnax-il xahar.

Hawnhekk, Kaja Kallas tat raġun lill-President ġdid tal-Istati Uniti, Donald Trump, li qal kemm-il darba li ‘l-Ewropa ma tinvestix biżżejjed fil-ħteġiet tad-difiża’. Donald Trump, qabel laħaq President, qal, fil-fatt, li kellu ‘jinkoraġġixxi lir-Russja biex tagħmel li trid bl-Alleati Ewropej ta’ Washington f’ċirkustanzi fejn huma ma jonfqux is-somom meħtieġa għad-difiża tagħhom’.  

L-UE, fl-għaxar snin li jmiss, se teħtieġ mill-anqas €500 biljun biex tibqa’ kompetittiva fil-qasam tad-difiża u meta sal-lum l-ammont għad-difiża u s-sigurtà tal-Unjoni qed ikun ikkalkulat mat-13-il biljun – ammont li jirrappreżenta biss 1.2 fil-mija tal-baġit tal-UE għat-tul taż-żmien, validu mill-2021 u l-2027.  

‘Il-falliment tal-Ewropa li tinvesti fil-kapaċitajiet militari ġodda qed jibgħat sinjal perikoluż lill-aggressur,’ saħqet Kallas – li bla dubju kienet qed tirreferi direttament għar-Russja.

Hi kompliet li kull sinjal ta’ dgħufija kapaċi jinkorraġġixxi lill-għedewwa tal-Ewropa biex jieħdu passi li f’ċirkustanzi oħra jistgħu jżommu lura minnhom.

U b’referenza għall-President Russu, Vladimir Putin, Kallas qalet li l-Ewropa u l-Punent ilhom wisq joffrulu l-‘alternattivi’, bit-tama li hu ‘jagħżel it-triq ta’ kooperazzjoni u prosperità għall-poplu tiegħu aktar milli t-tkattir tal-ambizzjonijiet imperjalisti.’

Jibqa’ l-fatt, iżda, li r-Russja, għadha qed iżżid it-tagħmir għall-gwerra – bl-intenzjonijiet aggressivi tagħha, illum, qegħdin jidhru dejjem aktar ċari.