Lokali Parlament

Malta għandha tgħin lil min ikun f’diffikultà fil-kuntest tal-limitazzjonijiet ġeografiċi tagħha

Darren Carabott, PN

Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Intern, Darren Carabott, qal fil-Parlament li Malta għandha tgħin lil min ikun f’diffikultà fil-kuntest tal-limitazzjonijiet ġeografiċi tagħha.

Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari fl-Abozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni Internazzjonali, Darren Carabott qal li Malta bilfors tintlaqat mill-fenominu tal-immigrazzjoni rregolari għaliex tinsab fiċ-ċentru tal-Mediterran. Hu sostna li Malta għandha tgħin lil persuni f’diffikultà iżda għandha tiddefendi wkoll l-interessi nazzjonali fil-kuntest tal-limitazzjonijiet ġeografiċi tagħha.

Jeħtieġ li Malta tkun iebsa ma’ min jabbuża, sostna Darren Carabott, li kompla li hemm diverġenza kbira bejn il-politika tas-Soċjalisti Ewropej u l-politika tal-Partit Popolari Ewropew. Il-problema tista’ tissolva billi jkun hemm stabbiltà fil-kontinent Afrikan u din kienet il-politika tal-Partit Popolari Ewropew li attwa din il-politika. Hu qal li l-poplu Malti qed iwarrab il-partiti tal-lemin estrem iżda jrid ikun ikkunsidrat li fl-Ewropa hemm pajjiżi li qed imorru f’dik id-direzzjoni.

Darren Carabott kompla li l-Gvern qed idaħħal eluf ta’ barranin bl-ajruplan u qed joħroġ il-permessi tax-xogħol bl-addoċċ, bil-konsegwenza li hawn ħaddiema barranin li qed jgħixu fl-iskjavitu. Id-deputat Nazzjonalista qal li qed ikun hemm abbuż mis-sistema u issa, wara 12-il sena, il-Gvern qed joħroġ policy dwar dan is-settur.

Il-Gvern qed jagħmel biss konsultazzjoni minima ta’ 32 ġurnata dwar din il-policy meta kien obbligat li jisma’ u mhux ikollu kollox lest minn qabel. Min ħaqqu għandu jingħata protezzjoni internazzjonali għaliex Malta għandha obbligu li tagħmel dan, sostna Darren Carabott, li kompla li Malta għandha l-obbligu li tgħin lil min ikun f’sitwazzjoni ta’ salvataġġ. Jeħtieġ li d-dewmien u l-ineffiċjenzi jkunu trattati u l-interessi ta’ dawk li jgħixu f’Malta jkunu salvagwardjati, sostna Darren Carabott.