Illum, Repubblika ppreżentat rikors fir-Reġistru tal-Qorti Kriminali biex tappella mis-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati ppreseduta mill-Maġistrat Sant Lia, li ngħatat il-ġimgħa li għaddiet.
Fl-appell, Repubblika fakkret li Robert Aquilina kien ippreżenta muntanja ta’ evidenza quddiem il-Qorti, fil-forma ta’ kopja awtentikata tal-Inkjesta Pilatus u ta’ emails interni tal-Korp tal-Pulizija. Repubblika ssostni l-argument li din l-evidenza kellha u għandha twassal lill-Qorti tordna lill-Kummissarju tal-Pulizija jesegwixxi l-ordni ċara li tah il-Maġsitrat Inkwirenti fl-Inkjesta Pilatus, jiġifieri li jressaq il-Qorti lil dawk kollha li l-inkjesta sabet li għandhom jaffaċċjaw akkużi.
Fir-rikors, Repubblika qed turi wkoll li s-sentenza li ngħatat il-ġimgħa li għaddiet hi mimlija skorrettezzi ta’ liġi u ta’ fatti u li l-konklużjoni tagħha hija bbażata fuq dawn l-iskorrettezzi.
Fi stqarrija, Repubblika spjegat li pereżempju, f’din is-sentenza jingħad li Aquilina ma ppreżentax kopja ta’ rapport partikolari, mentri fil-verità dak ir-rapport ġie ppreżentat fil-Qorti fl-intier tiegħu. Fis-sentenza jintqal ukoll li Aquilina ma ressaqx prova dwar il-konklużjoni tal-Inkjesta Pilatus, meta fil-verità ġiet ippreżentata kopja ta’ dawk il-konklużjonijiet awtentikata minn Aquilina nnifsu. Iktar minn hekk, l-Eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Alexandra Mamo, bil-ġurament fil-Qorti, stqarret u rrikonoxxiet li dak li ppreżenta Aquilina fil-Qorti kien il-verità u xejn inqas mill-verità.
Repubblika tfakkar li l-Bank Pilatus għamel ħsara kbira lil Malta u ħammġilna isimna madwar id-dinja kollha, tant li ngħalaq darba għal dejjem bl-intervent dirett tal-Bank Ċentrali Ewropew u kien waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn Malta kienet tpoġġiet fuq il-lista l-griża tal-FATF. Repubblika tfakkar ukoll li l-Inkjesta Pilatus swiet lill-poplu Malti aktar minn €7.5 miljun.
Għalhekk, Repubblika kienet u għadha ssostni li huwa insult lill-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu li dak li sabet din l-inkjesta jibqa’ jiġi injorat mill-Kummissarju tal-Pulizija. Minkejja li tirrikonoxxi li din il-battalja legali hija waħda diffiċli, Repubblika ttenni l-wegħda tagħha li se tibqa’ taħdem u tinsisti biex issir ġustizzja ma’ pajjiżna u mal-poplu tagħna.
Repubblika tirringrazzja lill-Avukat Jason Azzopardi għall-assistenza legali tiegħu f’din il-kawża.
//= $special ?>