L-Ispeaker m’għandux kontroll fuq id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Dan qalu Anglu Farrugia innifsu, f’ruling li ta fil-Parlament, wara li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministri tiegħu ma preżentawx l-assi għas-sena 2023.
Dan l-iskandlu ġie żvelat fl-aħħar jiem mill-Partit Nazzjonalista, illi kixef kif Abela baqa’ ma poġġiex dawn id-dokumenti fuq il-Mejda tal-Kamra – meta fil-verità, hija dejjem prassi li l-assi jiġu preżentati, biex ikun hemm trasparenza sħiħa.
Fir-ruling tiegħu, Anglu Farrugia kwota deċiżjoni li kien ta hu stess fl-2015, fejn spjega b’mod ċar li huwa responsabbilta tal-Gvern li dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu preżentati fil-Parlament.
Hawn, hu spjega li – fi kliem sempliċi – m’għandux saħħa jobbliga lill-Prim Ministru jippreżenta d-dikjarazzjonijiet tal-assi, għaliex mhemmx obbligu li dawn jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Għalkemm fis-snin passati dejjem tpoġġew.
Għal xi raġuni, Robert Abela u l-membri tal-Kabinett tiegħu għadhom ma preżentawx dawn id-dikjarazzjonijiet fil-Parlament.
F’dawn id-dikjarazzjonijiet, kull Ministru – u anke l-Prim Ministru stess – iniżżlu l-kontijiet u l-flejjes li għandhom fil-bank, u kull propjetà li għandhom.
//= $special ?>