Lokali

“Robert Abela jibqa’ juri kemm hu playground bully” – PN

Il-Parlament jinfexx jgħajjat ma’ Karol Aquilina u jgħidlu “Oħroġ barra, ħa nurik”

Il-Prim Ministru qed jibqa’ jurina kemm hu playground bully.

Wara li ressaq liġi biex jipprova jċekken il-lasti fejn jidħlu l-inkjesti maġisterjali, illum sfida Deputat tal-Oppożizzjoni biex joħroġ barra mill-Parlament u stiednu għall-ġlied.

Dan waqt li l-Ispeaker kien qed jagħti r-ruling tiegħu fuq it-talba tal-Oppożizzjoni biex Robert Abela ma jibqax jirrifjuta li jippubblika d-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu għas-sena 2023.

Robert Abela u sħabu jaħsbu li huma ’l fuq mill-iskrutinju tal-poplu. Qed jirrifjutaw li jippubblikaw id-dikjarazzjoni tal-assi, u qegħdin aktar minn sena tard. U issa qed jisfidaw għall-ġlied.

Il-bullies jagħmlu hekk.

Waqt id-diskors tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fis-seduta parlamentari tal-lejla, meta kien qed jinsisti li l-Membri tal-Gvern iridu jagħtu rendikont lill-poplu, Robert Abela rreaġixxa bħal bully u għajjat minn naħa għal oħra tal-Kamra tliet darbiet bil-kliem “Oħroġ barra, ħa nurik”.

Dan hu Robert Abela. Dan hu dak li jaħseb li t-tmexxija tal-pajjiż hi xi logħba tat-tfal, u li jirbaħ l-akbar bully. Diskors bħal dan mhux aċċettabbli u l-ebda Deputat tal-Oppożizzjoni mhu se jaqa’ għall-ebda provokazzjonni min-naħa tal-Prim Ministru.

Pajjiżna u l-poplu Malti jixirqilhom Prim Ministru matur, mhux Prim Ministru li kif jikkritikah xi ħadd irid juri l-muscles.

Jekk hawn xi ħadd li huwa infantili, huwa dak li quddiem in-nies jagħmilha tal-bully, imbagħad meta jinqabad imur jibki u jgħid li mhux veru.