Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, jiem wara li l-ġurament tal-ħatra, qed jintroduċi u jimplimenta ‘valanga’ ta’ direttivi eżekuttivi li ħafna minnhom qed jitqiesu bħala kontroversjali u anki rivoluzzjonarji.
Dan waqt li l-osservaturi qablu li Trump qed iżomm kelmtu biex jaqleb ta’ taħt fuq is-sistema tal-Amministrazzjoni preċedenti tal-Eks President Joe Biden.
Forsi l-aktar direttiva kontroversjali ngħatat lill-aġenziji federali biex iwaqqfu ‘immedjatament’ lill-membri tal-istaff li qed jaħdmu fuq il-programmi għall-inklużjoni u diversità – magħrufin bħala DEI – direttiva li tesiġi biex l-istaff joħorġu bil-‘leave’ u fejn se jkomplu jitħallsu l-pagi dovuti.
Id-direttiva kienet ippreżentata mill-US Office of Personnel Management u wara li d-direttiva eżekuttiva mill-Gvern ta’ Trump sejħet għat-tmiem tal-iskemi li qed jirrefera għalihom bħala ‘perikolużi, immorali u li jtellfu mid-dinjità tal-individwu’.
Id-direttiva, bħalissa, qed tkun implimentata għall-iskaptu tal-kunċett tad-diversità fuq il-post tax-xogħol. Diversità li tirreferi għall-koeżistenza ta’ individwi bid-diversi karatteristiċi u kapaċitajiet – u bil-kritiċi ta’ dan il-pass jinsistu dwar l-importanza li d-diversità tkun anki parti mill-aspett ta’ inklużjoni u li taċċerta opportunitajiet indaqs lill-ħaddiema.
Il-programmi tad-DEI, intant, jinkludu diversi miżuri mill-organizzazzjonijiet biex jappoġġjaw lin-nies li ġejjin mill-oqsma soċjali differenti inklużi s-segmenti li m’għandhomx daqstant rappreżentanza fuq il-post tax-xogħol.
Beda wkoll it-theżżiż għall-politika kummerċjali tal-Istati Uniti – b’Donald Trump itenni li qed jikkunsidra l-impożizzjoni ta’ tariffa ekwivalenti għal għaxra fuq il-mija fuq l-importazzjoni ta’ prodotti magħmulin fiċ-Ċina… impożizzjoni li kapaċi tidħol fis-seħħ sa mill-bidu ta’ Frar.
Iċ-Ċina, li qed tipprepara għal ‘trade war’ ieħor mal-Istati Uniti, wieġbet li għandha tiddefendi l-interessi nazzjonali fost l-enfasi li ‘ħadd mhu se joħroġ rebbieħ minn din it-tip ta’ sitwazzjoni’.
Madankollu, Donald Trump jinsab determinat biex jimplimenta minnufih id-direttivi eżekuttivi skont il-wegħdiet fil-programm elettorali u meta mhux jidher affettwat mill-kritika.
Dan b’mod partikulari wara li hu ddefenda d-deċiżjoni biex joħroġ il-maħfriet lis-sostenituri Repubblikani li fis-6 ta’ Jannar tal-2021 mexxew l-irvellijiet f’Capitol Hill, f’Washington. L-irvellijiet li saru biex huma ma jippermettux il-proċess ta’ konferma għar-rebħa elettorali ta’ Joe Biden fuq Trump fl-elezzjoni presidenzjali tal-2000 – rewwixta fil-qalba tad-demokrazija li qanqlet xokk madwar id-dinja u li ħalliet ukoll numru ta’ vittmi.
//= $special ?>