Lokali

Żjara ta’ delegazzjoni mill‑Corte dei Conti fl‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Verifika

B’rabta mal‑audit konġunt li qiegħed isir bejn l‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Verifika ta’ Malta u l‑Corte dei Conti, dwar aspetti ta’ interess komuni tal‑Programm Interreg bejn Malta u l‑Italja, delegazzjoni minn din l‑istituzzjoni ta’ verifika Taljana, immexxija mill‑President Guido Carlino, għamlet żjara f’pajjiżna.

It‑Tlieta, il‑President Carlino u l‑Awditur Ġenerali Charles Deguara taw preżentazzjoni dettaljata lill‑Kumitat Permanenti dwar il‑Kontijiet Pubbliċi fuq il‑progress u t‑tagħlimiet miksuba minn dan l‑audit konġunt. Dan skont l‑ispirtu ta’ kontabilità u trasparenza li l‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Verifika kontinwament jisħaq fuqhom.

L‑Erbgħa, il‑President Carlino u d‑delegazzjoni tiegħu kellhom laqgħa konstruttiva ħafna mal‑Awditur Ġenerali Deguara u t‑tim tiegħu mill‑NAO li essenzjalment iffukat dwar kif tista’ tissaħħaħ dejjem aktar il‑koperazzjoni bilaterali bejn iż‑żewġ Uffiċċji nazzjonali tal‑verifika. Dan it‑tip ta’ koperazzjoni internazzjonali huwa utli ħafna għaż‑żewġ naħat, peress li jipprovdi esperjenza prattika fuq il‑post tal‑metodoloġiji u l‑prattiki tax‑xogħol tal‑awditjar li jsiru fiż‑żewġ istituzzjonijiet.

Iż‑żewġ naħat esprimew l‑apprezzament tagħhom għax‑xogħol eċċellenti li twettaq s’issa mit‑timijiet rispettivi tagħhom.