Lokali

Ebda idea dwar l-ammont ta’ ħaddiema barranin

Huwa evidenti li l-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli m’għandhom ebda idea dwar x’inhuma is-soluzzjonijiet għall-kriżi tal-popolazzjoni u l-kriżi fil-qasam tas-saħħa. Bl-unika tweġibiet tad-Deputati kienu attakki partiġjani – minkejja r-responsabbiltà kollettiva tal-Kabinett.

Net News staqsa dwar il-Labour Migration Policy mnedija ftit tal-ġimgħat ilu; fejn staqsejna kemm qed jiġi mbassar li se jiżdiedu ħaddiema barranin, u minn fejn il-Gvern fi ħsiebu jnaqqas għaliex m’hemmx aktar bżonn.

U fir-risposti…ħarep evidenti li l-Gvern lanqas biss għandu idea x’se jagħmel fil-prattika.

B’rabta mal-kriżi fis-settur tas-saħħa, il-Ministru Owen Bonnici saħansitra mar lura għal 20 sena ilu meta mistoqsi dwar il-fatt li parti kbira mit-tort ta’ din l-emerġenza fl-emerġenza hija minħabba d-deals frawdolenti ta’ Vitals u Stewart Healthcare.

U fost l-attakki partiġjani u ftaħir fil-konfront tal-Ministru Jo Etienne Abela, bqajna mingħajr soluzzjoni.

Il-Gvern preżenti kien imwiegħed servizz tal-ogħla kwalità taħt it-tmexxija tal-Vitals u Stewart – bl-Isptar San Luqa jservi ta’ spalla ewlenija għall-Isptar Mater Dei.

Madanakollu mhux talli pajjiżna s’issa għadu għaddej bi sptar wieħed, talli għandna żieda eżorbitanti fil-popolazzjoni mingħajr infrastruttura adegwata sforz in-nuqqas ta’ viżjoni fit-tul ta’ min suppost imexxi fl-aħjar interessi tal-poplu…u mhux tal-but tal-individwi tal-qalba.