Lokali

Il-Gvern Laburista qed jibqa’ jilgħab bis-sigurtà ta’ pajjiżna – PN

Il-poplu għadu bla ebda spjegazzjoni x’verament seħħ fil-każ tal-Marokkini li ħarbu minn fuq ajruplan wara nżul ta’ emerġenza f’pajjiżna

Is-sigurtà ta’ pajjiżna, bħas-saħħa, l-edukazzjoni u ħafna oqsma oħra, għall-Gvern mhumiex prijorità.

Il-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jilgħab bis-sigurtà ta’ Malta u tal-poplu Malti kollu.

Sostna dan ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, Darren Carabott, fi stqarrija, dan wara li fl-ewwel jum ta’ din is-sena, ħames Marokkini ħarbu minn fuq ajruplan li kien għamel inżul ta’ emerġenza f’pajjiżna. Tlieta minn dawn inqabdu mill-Pulizija iżda t-tnejn l-oħra għadhom maħrubin u possibbilment għadhom jiġru f’pajjiżna.

Għaddew 22 ġurnata u sal-lum, il-Gvern ma lissinx kelma waħda dwar dan il-każ.

Sal-lum għadu ma ħariġx imqar stqarrija waħda dwar dak li ġara u l-poplu għadu bla spjegazzjoni x’verament seħħ f’dan il-każ tal-Marokkini li ħarbu minn fuq dan l-ajruplan wara l-inżul ta’ emerġenza f’pajjiżna.

Sal-lum, il-Ministru Byron Camilleri, li fuqu taqa’ din ir-responsabbiltà, għadu m’għamilx imqar post fuq Facebook biex jaġġornana dwar is-sitwazzjoni.

Qisu xejn mhu xejn.

Darren Carabott qal li bħalma donnu xejn mhu xejn ukoll li f’pajjiżna għandna eluf ta’ persuni barranin irreġistrati b’mod qarrieq f’indirizzi ta’ ċittadini Maltin.

Byron Camilleri jidher li mhux inkwetat wisq dwar dan kollu. Is-sigurtà ta’ pajjiżna mhix prijorità għall-Ministru responsabbli minnha.

Il-Partit Nazzjonalista jifhem li l-uffiċjali u l-ħaddiema li qed jaħdmu biex iżommu s-sigurtà f’pajjiżna jridu jaħdmu b’riżorsi limitati u jesprimi solidarjetà sħiħa magħhom filwaqt li jirringrazzjahom tax-xogħol siewi li jagħmlu biex iħarsuna.

Il-Gvern irid iqum mir-raqda u jibda jħares verament lill-poplu Malti billi bil-fatti u mhux bil-kliem, jagħti lis-sigurtà ta’ pajjiżna l-prijorità li jixiriqilha.