Raġel ta’ 36 sena, li nġieb Malta bis-saħħa ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew, mhux se jibqa’ jiffaċċja proċeduri kriminali wara li sieħba tiegħu infurmat lill-Qorti li riedet tirtira l-akkużi. L-Ispettur Christian Cauchi spjega li r-raġel, ta’ nazzjonalità Marokkina li llum jgħix Spanja, inġieb Malta l-Erbgħa filgħaxija.
Mara, li kienet deskritta mill-prosekuzzjoni bħala “l-eks sieħba tiegħu”, ressqet rapport fejn sostniet li r-raġel kien possessiv ħafna u kien insulentaha u heddidha. Fost l-oħrajn, il-mara qalet lill-Pulizija li sejħilha “maħmuġa” u heddidha li joqtolha u jaħbi l-ġisem tagħha. “Noqtlok u ma jsibukx“, kien jgħidilha.
Heddidha wkoll li kien se “jixrobilha demmha”. Hija sostniet li hu insulentaha billi għamel rimarka offensiva dwar il-preferenzi sesswali tagħha, u qalilha “int jogħġbuk l-partijiet tal-irġiel ta’ ċertu daqs.” Kien inħareġ mandat ta’ arrest u l-akkużat ma nstabx, sakemm dan l-aħħar ġie ntraċċat fi Spanja minn fejn ġie estradit lura Malta.
L-avukat tal-għajnuna legali Yanica Barbara Sant, li tassisti lill-mara, infurmat lill-Qorti li l-mara riedet twaqqa’ l-akkużi, u saħqet li dan kien inċident iżolat li jmur lura għall-11 ta’ Jannar tas-sena l-oħra. Qalet li l-mara u l-akkużat kienu f’relazzjoni għall-aħħar ħames snin. Minkejja li ressqet ir-rapport, il-mara trid tirtirah u twaqqaf il-proċeduri.
L-avukat spjegat li l-klijenta tagħha wrietha ċertifikat mediku li juri li tbati minn kundizzjoni psikoloġika. Qalet ukoll li l-mara għadha tħobb lir-raġel u ma kinitx konxja li l-każ se jispiċċa quddiem il-Qorti. L-Ispettur Cauchi saħaq li dan ma kienx inċident “pjaċevoli” u l-mara kompliet issejjaħ lit-taqsima tal-Vjolenza Domestika.
L-akkużat li huwa kok, li m’għandu l-ebda indirizz fiss f’Malta peress li ilu jgħix Spanja, wieġeb mhux ħati li kkaġuna lill-mara biża’ li se tintuża l-vjolenza kontriha, weġġagħha ħafif, u heddidha. L-allegata vittma mbagħad telgħet fuq il-pedana tax-xhieda u ġiet mistoqsija mill-Qorti jekk kinitx ressqet aktar minn rapport wieħed kontrih.
Il-mara spjegat li fil-ħin li seħħ l-allegat inċident kien hemm kwistjoni. Madankollu, issa hi qed iżżuru ta’ spiss fi Spanja. Hija rrikonoxxiet li ta’ spiss issejjaħ lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika iżda sostniet li riedet tkun taf meta se jġibuh lura Malta biex tkun tista’ ssiblu avukat biex jassistih.
L-Ispettur Cauchi mbagħad sostna li l-mara kellha ħin biex titkellem mal-avukat tagħha u kienet xehdet ukoll, iżda wera t-tħassib tiegħu peress li l-inċident ma kienx wieħed pjaċevoli. L-avukat difensur Franco Debono faħħar lill-ispettur talli investiga r-rapport, iżda rrimarka li l-mara issa sostniet li trid iżżomm ir-relazzjoni tagħha miegħu.
“Tirrealizza kemm inħlew flus biex ir-raġel jinġieb Malta?” staqsiet il-Qorti, u żiedet li n-nies iridu jifhmu li r-rapporti ma jistgħux jiġu ppreżentati b’mod kapriċċjuż, hekk kif f’każi bħal dan, jintefqu l-eluf biex jinġiebu l-akkużati.
Dr. Barbara Sant irrimarkat li r-rapport ġie ppreżentat kważi sena ilu. Il-mara tħobb lill-akkużat u xehdet taħt ġurament. Qalet ukoll li l-mara kienet tgħir ħafna għalih u kellha problemi psikoloġiċi. Il-mara kompliet tixhed u qalet li ċemplet kemm-il darba lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika għax riedet tkellem lill-ispettur iżda qatt ma kien hemm.
L-Ispettur Cauchi talabha tikkonferma jekk kinitx ressqet rapport fl-Għassa tal-Belt Valletta u fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika, li fil-fatt għamlet. “Sinjura Maġistrat, għadna flimkien. Qed nirċievi trattament psikjatriku. Kont verament ngħir għalih. Kont nirreaġixxi ħażin ħafna fil-passat,” qalet il-mara lill-Qorti.
“Jekk tirtira l-akkużi, ma jkollokx il-protezzjoni tal-Qorti,” qalet lill-mara l-Maġistrat Charmaine Galea. L-Ispettur Cauchi staqsa lill-allegata vittma jekk tkellmitx mal-qraba tal-akkużat. Il-mara qalet li kienet tkellmet ma’ ħutu sabiex jgħinuh isib avukat.
“Għidt li ppruvajt tikkuntattjani, għaliex ma mortx l-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta?” staqsa l-Ispettur Cauchi. “Għaliex għandi mmur l-Għassa tal-Pulizija?” staqsiet il-mara, qabel ma twaqqfet milli tikkummenta aktar.
L-avukat difensur Franco Debono osserva li l-klijent tiegħu kellu jgħaddi minn dan il-kalvarju kollu u nġieb Malta permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew. Għal darb’oħra, il-Qorti indirizzat lill-mara direttament, u għarrfitha bil-konsegwenzi jekk tiddeċiedi li tkompli tirtita l-akkużi.
“Int tirrealizza kemm inħlew riżorsi, xogħol u flus f’dan kollu?” tenniet il-Qorti. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti laqgħet it-talba tal-parte civile u r-raġel ġie meħlus minn aktar proċeduri kriminali.
L-Ispettur Christian Cauchi mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri assistew lill-akkużat. L-avukat tal-għajnuna legali Yanica Barbara Sant assistiet lill-mara.
//= $special ?>