Lokali

Jibqa’ jiżdied l-użu tal-mobiles u jonqsu l-abbonamenti għal-linja fissa

Ċifri maħruġa llum mill-Awtorità tal-Komunikazzjoni (MCA) juru biċ-ċar kif fl-aħħar xhur kompla jiżdied l-użu tal-mobiles filwaqt li qed jonqsu l-abbonamenti għal-linji ta’ telefonija fissa.

L-istatistika maħruġa mill-MCA tikkonferma diversi trends li rajna fl-aħħar snin f’pajjiżna, fejn aktar nies qed jużaw il-mobile bħala l-mezz ewlieni tagħhom għall-komunikazzjoni – mhux biss għat-telefonati iżda anke għall-internet u l-pjattaformi soċjali.

F’Settembru li għadda, l-abbonamenti għal-linji fissi tal-internet qabżu l-240,000. Dan fisser żieda ta’ 2.1 fil-mija.

Fit-tielet kwart tas-sena, l-abbonamenti għal telefowns ċellulari kienu jaqbżu s-770,000. Fi kliem sempliċi, bħala medja, hawn aktar minn linja tal-mobile waħda għal kull adult f’pajjiżna.

Skont l-MCA, l-abbonamenti bi ħlas għat-televiżjoni żdiedu bi 2.7 fil-mija. Iżda f’dak li għandu x’jaqsam mal-linja fissa tat-telefown, hawn kellek tnaqqis ta’ 1.1 fil-mija fuq perijodu ta’ sena.

L-istess awtorità tanalizza wkoll il-volumi tal-posta tradizzjonali. U kif wieħed jistenna, anke hawn kien hemm tnaqqis. Biċ-ċifri jindikaw li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena li għaddiet il-posta naqset bi 3 fil-mija.