Il-Kunsill Lokali tal-Kalkara se jkun qed jorganizza għal darb’oħra ‘L-Għodwa taċ-Ċitru’ – għodwa li fiha jinbiegħ il-frott taċ-ċitru – nhar il-Ħadd li ġej, 26 ta’ Jannar.
Din is-sena se tittella ‘L-Għodwa taċ-Ċitru’ f’Misraħ l-Arċisqof Gonzi, fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali, ix-Xatt tal-Kalkara. L-attività tibda fit-8am fejn apparti li jinfetħu l-bankarelli bi prodotti u oġetti għal bejgħ, l-għodwa tibda permezz tal-għana tradizzjonali.
Matul dan in-nofstanhar se jipparteċipaw il-1st Cospicua Scout Group kif ukoll Allegra Accordian Group, li minn Għawdex se jkunu l-Kalkara biex jallegraw lil dawk preżenti b’daqq u mużika folkloristika. Fost l-attrazzjonijiet għal din is-sena se jkun hemm dawriet b’dgħajjes tradizzjonali li mix-Xatt tal-Kalkara jieħdu lil dawk preżenti sal-penniżula ta’ Bighi, sal-Bajja tar-Rinella, sa Fort Ricasoli u sal-ewwel parti tal-Port il-Kbir, kif ukoll bil-mixi.
L-attività hija għall-familja kollha, tant li se jkun hemm zona għat-tfal kif ukoll post fejn wieħed jista’ jipparkja fejn irid fil-periferija tal-Kalkara u jirkeb Xarabank tradizzjonali li twassal lin-nies għall-pjazza, fejn tkun qed isir l-attività. Ix-xarabank tradizzjoni titlaq mix-Xatt kull siegħa mit-8am ‘il quddiem u tgħaddi r-rotta tat-transport pubbliku mad-dawra tal-Kalkara.
Il-quddies fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp fil-Kalkara, biswit l-attività, ikun fit-8:30am u fl-10:30am, filwaqt li l-attività se tkun qed tittella’ bejn it-8am u 1pm.
//= $special ?>