Lokali

“Ma rridux każ ieħor bħal Vitals u Steward” – Martin Balzan

“Il-professjonisti għejjew”.

Kliem il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Martin Balzan waqt programm fuq TVM, li għalih kien preżenti l-Ministru Jo Etienne Abela.

B’Martin Balzan, għal numru ta’ drabi jkompli mal-appelli ta’ bosta; fejn insista li l-professjonisti mediċi qed jgħejjew, u mhux qed nieħdu ħsiebhom.

Waqt il-programm ġiet diskussa l-problema ewlenija li ħakmet is-settur tas-saħħa f’dawn l-aħħar ġranet… dan kollu b’rabta mal-ftehim mal-privat li daħal għalih il-Gvern, fejn suppost kellu jtaffi ftit mix-xogħol tad-dipartiment tal-emerġenza.

Iżda sforz in-nuqqas ta’ konsultazzjoni mat-tobba, din is-soluzzjoni issa ssarrfet f’aktar problemi.

Bil-President tal-MAM jispjega li t-tobba mhux kontra l-ftehim mal-privat… iżda wara l-kuntratt frawdolenti tal-Gvern ma’ Vitals u Steward, it-tobba jridu li l-fondi jintefqu kif suppost. U jekk dan ma jsirx, il-MAM mhux se tkun qed taċċetta dan il-ftehim.

Martin Balzan spjega wkoll li bin-nuqqas ta’ protocol li hemm implimentat fl-emerġenza b’rabta mat-trasferimenti tal-pazjenti – it-tobba mhux magħrufa fuq min se jkun qed jieħu ħsieb il-pazjent meta dan ikun se jiġi trasferit mill-Isptar Mater Dei għal dak privat – bir-riżultat li s-saħħa tal-pazjent tista’ tispiċċa f’periklu.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Ministru Abela stqarr li hu flimkien mas-segretarju permanenti tiegħu; Joseph Chetcuti, se jkunu responsabbli ta’ dan il-moviment ta’ pazjenti. Fi kliem sempliċi, dak kollu li jinqala’ f’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-Ministru Abela u n-nies tiegħu jridu jirrispondu għalih.

Apparti din il-kriżi li kompliet tikber fl-Isptar ta’ Mater Dei, iċ-ċentri tas-saħħa f’pajjiżna qed jesperjenzaw kriżi wkoll. Bid-domanda tal-pazjenti tkun ħafna akbar mit-tobba li jaħdmu fil-polyclinics. Bir-riżultat, li l-professjonisti mediċi qed jgħejjew u anke jitilqu mill-polyclinics.

Minkejja dan kollu, fl-aħħar jiem it-tobba ġew infurmati li se jkun impost fuqhom Stop Leave – għaliex ma hemmx biżżejjed tobba jaħdmu. Għalhekk it-tobba jinsabu bid-direttivi u għaldaqstant se jkunu miftuħin tliet polyclinics biss f’pajjiżna matul il-jum tal-Ġimgħa.

Għal dan il-programm fuq TVM, ix-Shadow Minister Adrian Delia tħalla kompletament barra.