Internazzjonali

Mill-attakki tal-Hamas għal fuq il-palk tal-Eurovision

F’Ottubru tal-2023, din it-tfajla Iżraeljana salvat mill-attakk tal-Hamas wara li nħbiet taħt il-katavri tan-nies maqtulin….

Issa, f’Mejju ta’ din is-sena se tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżha fuq il-palk tal-Eurovision Song Contest.

Din hija l-istorja taż-żagħżugħa Yuval Raphael li se tkun qed tirrappreżenta lil Iżrael f’Basel f’Mejju li ġej wara li rebħet is-serje televiżiva The Next Star.

It-tfajla ta’ 24 sena kienet fost dawk in-nies li salvaw mill-attakki tal-Hamas waqt in-Nova Music Festival lura fis-7 ta’ Ottubru ta’ sentejn ilu fejn kienu inqatlu aktar minn 370 persuna.

Hija rebħet il-kompetizzjoni billi interpretat verżjoni tal-grupp Żvediż Abba, Dancing Queen; interpretazzjoni li ddedikat lil vittmi tal-massakru.

Il-kantanta fl-aħħar xhur irrakkontat kif kienet salvat minn ħalq il-mewt waqt li daħlet tistkenn f’xelter tal-gwerra…fejn kienu daħlu l-militanti tal-Hamas jisparaw u joqtlu lil kull min raw quddiemhom.

Hija rrakkuntat kif il-kadavri tal-mejtin waqgħu fuqha…u kellha tistaħba għal tul ta’ sigħat taħthom.

Kienu biss hi u għaxra oħra li ħarġu ħajjin minn dak ix-xelter – b’Raphael tisħaq li filwaqt li l-ġrieħi fiżiċi fiqulha…dawk mentali se tibqa’ ġġorrhom għal għomorha.