Edukazzjoni Lokali

Tħassib dwar l-inċident omofobiku li seħħ fi skola

Il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Ugwaljanza (NCPE) esprimiiet it-tħassib tagħha dwar inċident riċenti fejn xi ġenituri neħħew lil uliedhom minn skola partikolari minħabba l-orjentazzjoni sesswali tal-għalliem.

Il-każ huwa dak li ġie żvelat mit-Times, u jirreferi għall-iskola Primarja ta’ San Ġwann.

Filwaqt li d-deċiżjoni tal-iskola li ma tbiddilx l-għalliem hija ta’ min ifaħħarha – u li kieku sar mod ieħor kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni illegali – inċidenti omofobiċi bħal dawn inevitabbilment jaffettwaw lill-individwu li huwa fil-mira u joħolqu impatt negattiv fuq l-ambjent tal-iskola.

L-istituzzjonijiet, partikolarment l-iskejjel, għandhom rwol kruċjali fit-trawwim ta’ kultura ta’ inklużjoni u aċċettazzjoni.

Identitajiet soċjali diversi, kemm jekk relatati mal-ġeneru, il-kultura, l-orjentazzjoni sesswali, jew kwalunkwe karatteristika oħra, huma karatteristiċi intrinsiċi tas-soċjetà. Ħadd m’għandu jiġi mġiegħel jaħbi jew iħossu mistħi bl-identità tiegħu. Għalhekk, dejjem għandna ngħallmu lit-tfal li l-individwi kollha huma ta’ valur ugwali, għaliex dan huwa l-pedament biex ngħixu flimkien b’rispett reċiproku.

L-NCPE tinnota b’sodisfazzjon il-kundanna ġenerali wara li ġie żvelat dan l-inċident, u tittama li jservi ta’ tfakkira għall-ħidma li trid tkompli ssir biex titrawwem soċjetà li tkun tassew inklussiva għall-persuni LGBTIQ+.

Malli faqqa’ dan il-każ marbut mal-iskola ta’ San Ġwann, id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li deċiżjonijiet bħal dawn ma jipproteġux it-tfal imma jrawmu fihom sens ta’ diskriminazzjoni li fl-innoċenza tagħhom qas jafu xi jfisser. Dan, filwaqt li d-deputat Graziella Attard Previ insistiet li t-tfal iridu jitrabbew f’ambjent inklużiv biex mhux biss japprezzaw, iżda jirrispettaw id-diversità ta’ madwarhom. “Jeħtieġ nibqgħu naħdmu favur it-tolleranza, l-inklużjoni u d-diversità. Ma nistgħu naċċettaw l-ebda forma ta’ diskriminazzjoni kontra ħadd.”