Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qed jissokta b’ħidmietu fil-White House hekk kif mistenni jibda jimplimenta l-aġenda tiegħu.
Trump sostna li mhux ser jiddejjaq jimponi sanzjonijiet ġodda fuq il-Krelmin kemm-il-darba Putin jagħżel li jibqa’ għaddej bil-Gwerra kontra l-Ukrajna – dan wara li invada l-pajjiż tiegħu kważi tliet snin ilu.
Il-President Amerikan stqarr dan permezz ta’ post fuq il-pjattaforma X, fejn saħansitra saħaq li lest jitfa’ tariffi iebsin oħra li jkomplu jinstigaw l-inflazzjoni fir-Russja – dan wara ii qal li s-sanzjonijiet li saru mill-amministrazzjoni preċedenti kienu ineffettivi.
Il-Kremlin, min naħa l-oħra qal li mhuwiex impressjonat bit-theddida tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump. Fil-fatt, fi stqarrija, il-kelliem tal-Kremlin Dmitry Peskov sostna li ma jidher li hemm l-ebda element ġdid partikolari f’din it-theddida min-naħa ta’ Trump filwaqt li saħaq li r-Russja hija lesta għal djalogu ugwali u bir-reqqa mal-Istati Uniti.
Vladimir Putin kemm-il darba sostna li lest li jaħdem fuq qbil sabiex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna. Madanakollu, il-Kremlin trid li t-territorju Ukren okkupat preżentament minnhom jibqa’ kkontrollat mit-tmexxija ta’ Moska. Dan apparti l-fatt li Putin baqa’ jisħaq kontra s-sħubija tal-Ukrajna fin-NATO.
Donald Trump kien sostna li ser ikun qiegħed jitkellem mal-mexxej Russu fiż-żmien li ġej sabiex jipprova jilħaq qbil, b’diversi politiċi Demokratiċi Amerikani jisħqu li hemm ċans kbir li Trump ser jitfa’ pressjoni fuq Volodymyr Zelensky sabiex iċedi għal dak li trid il-Kremlin.
Apparti min hekk, f’intervista li kellu ma’ Fox News hu saħaq li mistenni jibgħat ‘il fuq minn 10,000 suldat tal-forzi armati mal-fruntiera tal-Messiku. Dan sabiex ikun jista’ jbda jwettaq l-wedgħa elettorali tiegħu li jiddeporta miljuni ta’ immigranti li daħlu b’mod illegali fl-Istati Uniti.
Bosta diplomatiċi saħqu li l-ammont ta’ truppi Amerikani mal-fruntiera Messikana kapaċi joħloq sens kbir ta’ tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi – anke wara l-pass li ħa Trump nnifsu fuq kif it-traffikanti… hekk kif f’għajnejn il-Gvern Amerikan ser jitqiesu bħala organizzazzjonijiet terroristiċi.
Dan ifisser li l-armata Amerikana tista’ tieħu azzjoni immedjata fil-konfront ta’ dawn l-organizzazzjonijiet kriminali fl-art tal-Messiku stess.
//= $special ?>