Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Ħal Tarxien wieġeb mhux ħati meta ġie mixli li kkorrompa tifel ta’ 12-il sena. Ir-raġel, li ma jistax jissemma b’ordni tal-Qorti, deher quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, fejn ġie mixli li kkorrompa żagħżugħ ta’ 12-il sena, li tah fastidju u li talbu favuri sesswali. Huwa kien akkużat ukoll li wera materjal pornografiku lil minuri kif ukoll li kellu fil-pussess tiegħu pedopornografija (pornografija tat-tfal).
L-avukat tal-għajnuna legali Thomas Barbara Sant talab il-ħelsien mill-arrest għall-akkużat. Il-Prosekutur Miriayah Borg qalet lill-Qorti li l-proċeduri għadhom fi stadju bikri ħafna u l-vittma għadu ma xehedx. Żiedet tgħid li kien hemm riskju reali li jbagħbas l-evidenza.
L-Ispettur John Spiteri qal lill-Qorti li minkejja d-differenza fl-età, il-vittma u l-akkużat kienu ħbieb. Il-vittma kienet tmur id-dar tar-raġel fejn kienu jilagħbu fuq il-PlayStation. Kien imbagħad li l-akkużat allegatament għamel avvanzi sesswali fuq il-vittma.
L-ispettur qal li l-ġenituri tal-vittma saru jafu b’dan u qalu lill-akkużat biex jaqta’ kull komunikazzjoni mal-vittma u ma jersaqx lejn it-tifel ta’ 12-il sena. Minkejja t-twissijiet ripetuti, l-akkużat injorahom u baqa’ jikkuntattja lill-vittma.
“Il-prosekuzzjoni tagħmel ukoll stħarriġ, jekk wieħed għandux jitressaq taħt ċitazzjoni jew taħt arrest. F’dan il-każ, ressaqna taħt arrest peress li huwa t-tielet każ tiegħu li jinvolvi allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali.
“Filwaqt li l-akkużat huwa preżunt li hu innoċenti sakemm jiġi ppruvat ħati, l-akkużat flok tgħallem il-lezzjoni tiegħu, kompla jħajjar lill-minuri d-dar tiegħu billi stiednu biex jilagħbu fuq il-PlayStation tiegħu,” qal Spiteri.
“M’għandniex serħan tal-moħħ li se jżomm mal-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti,” huwa żied jgħid. Saret referenza għall-kondotta kriminali tar-raġel, bi Spiteri jissottolinja li minflok irriforma lilu nnifsu, din kienet it-tielet darba li r-raġel sab ruħu fi probemli fuq allegazzjonijiet bħal dawn. L-akkużat allegatament ipprova jikkomunika mal-vittma u sħabu.
Il-Qorti ċaħdet lir-raġel il-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni mbagħad talbet projbizzjoni fuq l-isem tal-vittma, li ġiet ikkonfermata mill-Qorti. Id-difiża riedet ukoll projbizzjoni fuq l-isem tal-klijent tagħhom billi sostniet li l-identità tal-vittma tista’ tiġi żvelata jekk it-talba ma tiġix milqugħa.
It-talba ntlaqgħet b’oġġezzjoni qawwija mill-Ispettur Spiteri. “Mill-esperjenza tiegħi hawn għandna ‘serial sex offender”. Jekk ismu jiġi ppubblikat, jista’ jkun hemm aktar vittmi li jagħmlu l-kuraġġ u jitkellmu,” qal l-ispettur.Barbara Sant ma qabilx u saħqet li wieħed jista’ jasal għall-identità tal-vittma, peress li t-tnejn kienu ħbieb.
“Kieku kien hemm din il-possibbiltà ma konniex noġġezzjonaw. Madankollu, il-prosekuzzjoni temmen li jistgħu jressqu aktar vittmi jekk ismu jiġi żvelat, u m’hemm l-ebda rabta bejn il-vittma u l-akkużat li tista’ twassal biex il-vittma tiġi identifikata,” qal Spiteri.
Barbara Sant qal minn naħa tiegħu li l-ebda każ ieħor ma kien ġie deċiż u l-akkużat kien għadu innoċenti sakemm jiġi ppruvat ħati. Il-Qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet, ordnat projbizzjoni kemm fuq l-ismijiet tal-vittma kif ukoll tal-akkużat.
Ir-raġel inżamm arrestat.
L-Ispetturi Marshall Mallia, John Spiteri u Wayne Buhagiar, flimkien mal-avukati tal-AĠ Cynthia Tomasuolo u Miriayah Borg mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat tal-għajnuna legali Thomas Barbara Sant assista lill-akkużat. L-Avukat Francesca Zarb assistiet lill-allegat vittma.