Lokali

Għan-nuqqas ta’ ppjanar tal-Gvern ibatu r-residenti – PN

Il-PN jinsisti li x-xogħlijiet fit-toroq isiru bi ħsieb; in-nuqqas ta’ pjan jissarraf fi tberbiq ta’ flus u aktar inkonvenjent għan-nies u għall-komunità kummerċjali

Ir-riżultat ta’ Gvern bla pjan hu biss kriżi wara oħra, u l-konsegwenzi jispiċċa dejjem ibatihom ir-resident.

Għax il-Gvern ħalla s-sitwazzjoni tal-enerġija taħrablu minn idejh u ma tax kasha għal snin sħaħ, issa qed jipprova jsewwi l-ħsara kollha f’daqqa, bir-residenti qed jispiċċaw frustrati bin-numru kbir ta’ toroq maqlugħa fl-istess ħin.

Huwa proprju dan li qed jiġri pereżempju f’San Pawl il-Baħar fejn dalgħodu indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista x-Shadow Minister għat-Trasport Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għall-Enerġija Ryan Callus kif ukoll is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Ċensu Galea. Preżenti kien hemm ukoll il-kunsillieri lokali tal-PN f’San Pawl il-Baħar.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, intqal li xogħlijiet bħal dawn għandhom jingħataw prijorità għax il-provvista tal-elettriku trid tissaħħaħ jekk ma rridux inkomplu ngħixu b’servizz inkonsistenti.

Madanakollu, li l-Korporazzjoni Enemalta taqla’ mat-30 triq li jinkludu anke toroq prinċipali, kollha fiz-zoni ta’ San Pawl, Buġibba u l-Qawra – fl-istess ħin – mhix għajr konferma li n-nuqqas ta’ ppjanar tal-Gvern jissarraf f’inkonvenjenzi kbar għar-residenti.

Pajjiżna wasal fi stat fejn frott l-abbandun fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-enerġija flimkien maż-żieda fid-densità tal-popolazzjoni, speċjalment f’postijiet bħal San Pawl il-Baħar, iż-żieda fid-domanda għall-enerġija żdiedet sostanzjalment bil-konsegwenza li esperjenzajna sjuf ripetuti ta’ qtugħ ta’ dawl li wasslu għas-sħana, l-għaraq u d-dlam.

Gvern serju kien jagħraf li dawn it-tibdiliet kienu mistennija jseħħu, u jippjana x-xogħlijiet tal-Enemalta gradwalment, kemm biex nevitaw l-episodji li għaddejna minnhom, iżda wkoll biex ir-residenti u l-komunità kummerċjali ma jbatux l-inkonvenjent.

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li x-xogħlijiet isiru kif suppost u waqt li jkunu qed jinqalgħu t-toroq biex l-Enemalta tagħmel ix-xogħlijiet, jinbidlu s-servizzi antiki skont il-bżonn, fosthom dawk tal-ilma u d-drenaġġ, biex ikun evitat li t-toroq jerġgħu jinqalgħu f’qasir żmien.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista insistew li dawn ix-xogħlijiet isiru b’mod effiċjenti u bla ħela ta’ żmien biex ir-residenti ma jbatux inkonvenjenza fit-tul bla bżonn, u mhux se jħalli lil min irid jipprova jtawwal bix-xogħlijiet biex jidher ikrah il-Kunsill Lokali.

Il-Partit Nazzjonalista jittama wkoll li t-toroq li se jinqalgħu issa ma jerġgħux jinqalgħu fi ftit xhur oħra.

Fil-lista ta’ toroq li se jinqalgħu għax-xogħlijiet hemm sebgħa li saru mill-ġdid minn Infrastructure Malta fl-aħħar sitt snin.

Li kieku l-Gvern kellu pjan serju u ħolistiku għal pajjiżna, dawn ix-xogħlijiet kienu jsiru meta nqalgħu t-toroq. Dan kien jevita l-ispejjeż żejda u l-inkonvenjent doppju għar-residenti, u kien jevita wkoll ġranet żejda ta’ traffiku u t-trabijiet li se jerġgħu jinqalgħu waqt li jkun għaddej ix-xogħol.

Dan hu kollu ħela ta’ flus il-poplu.

Jekk il-Gvern mhux kapaċi jippjana triq għal ħames snin, kif jista’ jikkonvinċi lill-poplu li jista’ jippjana għat-30 sena li ġejjin?

Gvernijiet Nazzjonalisti tal-imgħoddi mxew fuq pjan fit-tul mibni fuq direzzjoni ċara fejn riedu jieħdu lill-pajjiż, u hekk jerġa’ jagħmel Gvern ġdid Nazzjonalista meta l-poplu jerġa’ jafdah bit-tmexxija.

Il-Partit Nazzjonalista u l-Kunsilli Lokali mmexxija minnu jibqgħu jaħdmu l-ewwel u qabel kollox għan-nies.