Sport

Gżira United idawru telfa f’rebħa u jirbħu liċ-champions

Ritratt: Joe Borg

Gżira United rebħu l-partita tal-ġimgħa fil-VMFA Cisk Premier League wara li għelbu lil MFPA 4-2.

Il-Maroons kienu qed jitilfu 2-1 sa tmiem l-ewwel taqsima, iżda fit-tieni nofs siegħa logħob, it-tim inbidel mil-lejl għan-nhar u skorja tliet gowls li tawhom ir-rebħa finali. Kevin Sammut, Daniel Mariano Bueno, Justin Grioli u Gilbert Martin kienu l-awturi tal-gowls għall-Gżira.

Il-Malta Football Players Association skorjaw il-gowls tagħhom grazzi għal Julian Galea u Aleksandar Ribic.

Floriana żammew l-ewwel post tal-klassifika

Sadanittant, Floriana baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika wara rebħa kbira ta’ 8-1 kontra Żurrieq Wolves. Il-Greens sabu ruħhom gowl minn taħt iżda għarfu jirreaġixxu mal-ewwel tant li qalbu l-iskor favurihom.

Glenn Bonello skorja tripletta filwaqt li Manolito Micallef, Emerson Amaira u Gilbert Scerri kellhom iċ-ċans jiskorjaw gowl kull wieħed. Żurrieq skorjaw l-uniku gowl minn Christian Bezzina.

Protagonisti għall-Karkari

L-attakkanti Jean Pierre Mifsud Triganza u Ayrton Buhagiar kienu l-protagonisti għall-Karkariżi meta skorjaw erba’ gowls kull wieħed fir-rebħa ta’ 13-1 li kellhom kontra Żejtun Red Stars. Federico Marine, Firas Aboulezz, Christian Caruana u Ronnie Hartvig għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom. Charlo Debattista naqqas il-marġni tal-iskor għal Żejtun Red Stars.

Rebħa kbira

L-attakkant Adam Smeir kien il-protagonista assolut għal Rabat Veterans fir-rebħa kbira ta’ 10-1 li kellhom kontra Hibernians meta skorja ħames gowls. Gilbert Camilleri niżżel ismu fost l-iskorers hekk kif skorja hat-trick, filwaqt li Melvin Borg u Timothy Zammit għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

David Azzopardi skorja l-gowl uniku tal-Pawlisti.

KLASSIFIKA – VMFA Cisk Premier League

Floriana 24; Gżira United 22; Birkirkara St Helen’s 20; MFPA 16; Rabat 14; Zurrieq Wolves 6; Hibernians 3; Zejtun Red Stars.