Kummerċ Lokali

HSBC Malta iniedi ATMs iktar aċċessibbli u b’funzjonalità mtejba

HSBC Malta introduċa l-aħħar ATMs b’sistema touchscreen tal-ogħla livell, sabiex joffri lill-klijenti esperjenza bankarja dejjem aqwa b’teknoloġija u funzjonalità avvanzata. L-ATMs il-ġodda, għandhom touchscreens eleganti u usa’ b’riżoluzzjoni grafika għolja, iddisinjati biex joffru servizz bankarju dejjem aktar faċli u aktar aċċessibbli għal kulħadd.

Il-mudelli l-ġodda jirrappreżentaw l-aħħar teknoloġija tal-ATMs, u jikkombinaw il-faċilità tal-użu ma’ funzjonalità b’saħħitha. L-aċċessibbiltà kienet għan ewlieni. Fil-fatt dawn il-magni ġodda huma mgħammra għall-użu tal-headphones, sabiex jippermettu lill-klijenti neqsin mid-dawl jimmaniġġjaw is-servizzi bankarji tagħhom b’mod indipendenti u b’faċilità.

Minbarra li joffru l-firxa sħiħa ta’ servizzi eżistenti, l-ATMs issa għandhom funzjonalità miżjuda; l-abbiltà li jiġu ddepożitati sa sitt ċekkijiet kull darba mingħajr il-ħtieġa ta’ envelops. Dan il-proċess simplifikat jiffranka l-ħin u jnaqqas l-iskart tal-karta, itejjeb l-esperjenza tal-klijent filwaqt li jappoġġja l-għanijiet ta’ sostenibbiltà.

Geoffrey Fichte, il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta, qal: “L-installazzjoni ta’ dawn l-ATMs touchscreen tenfasizza l-impenn tagħna għall-innovazzjoni u s-sodisfazzjon tal-klijenti. Dawn il-magni b’teknoloġija avvanzata huma ddisinjati biex jagħmlu s-servizzi bankarji aktar aċċessibbli, sempliċi u spediti għal kulħadd. Bl-adozzjoni tal-aħħar teknoloġija, qed niżguraw li s-servizzi tagħna jevolvu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li qed jinbidlu tal-klijenti tagħna.”

S’issa 30% tal-ATMs ġew sostitwiti b’magni ġodda tal-ogħla livell u l-bank huwa impenjat li jibdel il-bqija matul l-2025. It-tnedija tal-ATMs il-ġodda hija parti mill-investiment kontinwu ta’ HSBC Malta f’soluzzjonijiet bankarji innovattivi, sabiex jiżgura li l-klijenti jkomplu jgawdu servizzi siguri u faċli anke permezz tal-għodda self-service li huwa stess joffri.