Kummerċ Lokali

Il-Bank of Valletta jdoqq il-qanpiena fil-Borża ta’ Malta

€100 Miljun bonds subordinati mhux garantiti 2029-2034 imdaħħla fuq il-Borża ta’ Malta

Il-Bank of Valletta (BOV) ikkommemora tragward importanti. Dan kien jittratta l-bonds subordinati mhux garantiti ta’ €100 miljun 5%  (2029-2034) li ġew imdaħħla fuq il-Lista Uffiċjali tal-Borża ta’ Malta fil-11 ta’ Novembru 2024. L-okkażjoni ġiet imfakkra biċ-ċerimonja tradizzjonali tad-Daqq tal-Qanpiena li saret fil-Borża ta’ Malta fil-Belt Valletta.

Sħubija storika mal-Borża ta’ Malta

Joseph Portelli, iċ-Chairman tal-Borża ta’ Malta, enfasizza s-sħubija fit-tul tal-BOV mal-Borża, u nnota kif l-ishma tal-Bank of Valletta kienu l-ewwel titoli li ġew elenkati fil-Lista Uffiċjali lura fl-1992. Matul is-snin, il-Bank wera l-impenn tiegħu lejn is-suq lokali u l-bażi kbira ta’ azzjonisti tiegħu.”

Kenneth Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, esprima gratitudni għar-reazzjoni qawwija tas-suq għall-ħruġ tal-bonds, u stqarr li: “Dan il-bond ta’ €100 miljun, l-akbar bond li qatt kien hemm fuq il-Lista Uffiċjali tal-Borża ta’ Malta, kien sottoskritt fi ftit jiem mit-tnedija tiegħu. Dan is-suċċess jenfasizza l-fiduċja li l-investituri, kemm dawk istituzzjonali, kif ukoll investituri personali, jqiegħdu fil-Bank, u jivvalida l-viżjoni strateġika tagħna biex insaħħu l-kapital u nagħtu valur fit-tul lill-partijiet interessati kollha.”

Huwa enfasizza wkoll ir-rwol tal-BOV bħala parteċipant ewlieni fis-settur finanzjarju ta’ Malta. Kenneth Farrugia aċċenna għall-istorja tal-Bank li dejjem ratu jkun pijunier, fosthom billi kien l-ewwel kumpanija Maltija li kellha bonds imniżżla fil-Borża Irlandiża.

Rikonoxximent tat-Tim

Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll Kevin Cardona, Chief Finance Officer tal-Bank, u membri mit-timijiet tal-Capital Funding and Issuance u Capital Advisory, li kellhom rwol kruċjali fis-suċċess tal-ħruġ tal-bond. Kien hemm ukoll rappreżentazzjoni tal-partijiet interessati ewlenin, fosthom Camilleri Preziosi Advocates bħala l-Konsulent Legali, u Rizzo Farrugia & Co (Stockbrokers) Ltd, u Calamatta Cuschieri Investment Services Ltd bħala sponsors konġunti. Membri mill-maniġment u impjegati tal-Borża ta’ Malta, li kkollaboraw mill-qrib biex dan it-tragward importanti jintlaħaq, kienu preżenti wkoll.

Il-ħruġ ta’ €100 miljun bonds tal-Bank of Valletta jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-Bank bħala mexxej fis-settur finanzjarju ta’ Malta, u jirrifletti l-impenn sħiħ tal-Bank għall-innovazzjoni u l-eċċellenza.

Mix-xellug għal-lemin: Donatella Galea, Mark Scicluna, Romeo Cutajar, Kenneth Farrugia u Kevin Cardona