Lokali

Il-Gvern ta’ Robert Abela huwa l-ikbar ostaklu għall-ġustizzja – PN

B’dispjaċir u diżappunt kbir, il-Partit Nazzjonalista għal darba oħra jinnota li l-Gvern reġa’ naqas bil-kbir lill-ġustizzja f’pajjiżna, b’mod partikolari lill-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Dan qalu l-PN, fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister Karol Aquilina.

Il-Partit Nazzjonalista jagħmilha ċara li r-responsabbiltà ta’ dak li ġara llum mhijiex tal-Qorti, iżda hija tal-Prim Ministru Robert Abela u tal-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard li m’għamlu assolutament xejn biex din is-sitwazzjoni tiġi evitata. Għalhekk, għall-Partit Nazzjonalista huwa ċar, illum iktar minn qatt qabel, li l-Gvern Laburista huwa l-ikbar ostaklu li għandha l-ġustizzja f’pajjiżna.

Għall-Partit Nazzjonalista huwa inaċċattabbli li l-qraba ta’ vittmi ta’ omiċidji u reati gravi oħra jingħaddew minn martirju wara l-ieħor biex jiksbu l-ġustizzja li għandhom dritt għaliha. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-familja Caruana Galizia u mal-qraba ta’ vittmi oħra li għaddejjin mill-istess martirju minħabba t-tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-prinċipju li “justice delayed is justice denied” u jwiegħed lill-qraba kollha ta’ vittmi ta’ omiċidji u reati gravi li jekk jingħata l-fiduċja se jkun qed idaħħal ir-riformi kollha meħtieġa biex jiżgura li l-ġustizzja f’pajjiżna ssir u ssir fil-ħin.