Għal darba oħra qed naraw kif għar-ras iebsa u l-pika ta’ Robert Abela, ta’ Jo Etienne Abela u tal-Gvern Laburista, qed iħallas il-pazjent. Qed tħallas int.
Minkejja t-twissijiet li kellu l-Gvern fl-aħħar xhur u snin dwar il-qagħda kritika fil-qasam tas-saħħa – u dan mhux biss mill-Partit Nazzjonalista – Robert Abela u Jo Etienne Abela baqgħu jinjoraw lil kulħadd tant li issa t-tobba ma kellhomx alternattiva ħlief li jibdew bl-azzjonijiet industrijali.
Dan wara d-direttivi mogħtija mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija li apparti li qed jeffettwaw it-trasferiment tal-pazjenti tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei lejn l-isptarijiet privati, issa ġew estiżi wkoll lejn iċ-ċentri tas-saħħa u l-qasam tal-kura primarja.
Issa wasalna f’punt fejn għandna emerġenza fl-Emerġenza.
Il-Partit Nazzjonalista ma jifraħx bl-azzjonijiet industrijali. Imma jifhem ukoll li meta wieħed isib il-bibien kontinwament magħluqa u widnejn min suppost jismimgħu misduda, ma jkunx fadallu triq oħra.
Robert Abela u l-Gvern tiegħu ma jiddejqu xejn jilagħbu bis-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin.
Dan urewh meta wettqu frodi bl-isptarijiet u qed ikomplu jikkonfermawh illum.
Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin joffri li jkun parti mid-diskussjonijiet għal soluzzjonijiet f’dan il-qasam li issa jinsab għarkopptejh.
Dawn huma wħud mis-soluzzjonijiet li l-PN qed jagħti lill-Gvern:
1. Ċentri tas-Saħħa li jaħdmu, inkluż il-Hubs fit-Tramuntana u n-Nofsinhar
2. Investiment fl-Isptar San Luqa biex dan jibda jtaffi mill-piż fuq Mater Dei billi jkollna aktar sodod
3. Sptar ġenerali ġdid f’Għawdex
4. Investiment bis-serjetà fil-mediċini
5. Flusek imorru fuq in-nefqa f’dak li verament għandna bżonn u mhux fuq deals frawdolenti bħal tal-Vitals u Steward
6. Apparat tas-saħħa mill-aktar modern
7. Titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema biex nattiraw aktar nies lejn dawn il-professjonijiet
8. Ninvestu aktar fil-qasam tal-anzjani
9. Ninvestu fis-saħħa mentali u fi sptar ġdid f’dan is-settur li ilu jiġi mwiegħed snin twal u li baqa’ qatt ma sar
Robert Abela għandu jwarrab is-suppervja u l-piki u jisma’ minn min irid jgħin.
Għax sa issa r-ras iebsa tiegħu ssarrfet biss fi tbatija għall-pazjent u għall-professjonisti fil-qasam tas-saħħa.
Dan intqal fi stqarrija minn Adrian Delia ix-Shadow Minister għas-Saħħa u Ian Vassallo ix-Shadow Minister għall-Kura Primarja u s-Saħħa Mentali.
//= $special ?>