Donald Trump tkellem dwar diversi kunċetti u ‘possibbiltajiet’ waqt l-ewwel intervista fit-tul ma’ Fox News mindu hu aċċetta formalment ir-rwol ta’ President tal-Istati Uniti waqt iċ-ċerimonja tat-Tnejn, f’Washington.
Trump, fost oħrajn, qal li jippreferi li kieku ma jispiċċax f’sitwazzjoni fejn ikollu jimponi t-tariffi fuq iċ-Ċina waqt li ftaħar dwar ‘is-saħħa u l-influwenza tal-Istati Uniti fuq il-Gvern ta’ Beijing.
Intant – u waqt li hedded li jimponi t-tariffi ekwivalenti għal triljuni ta’ dollari fuq l-affarijiet li l-Istati Uniti timporta minn barra – il-President Amerikan tenna li l-Kanada ‘tista’ issir parti mill-Istati Uinti biex tevita dawn it-tariffi’. Dan il-kumment qanqal mhux ftit tax-xokk fost il-Mexxejja tal-Istati preżenti għall-Forum Ekonomiku Dinji li kien qed jikkonkludi f’Davos.
Kumment xi ftit stramb sar b’referenza għall-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong Un, li, fi kliem Trump, hu ‘bniedem aġġornat u intelliġenti’. Intant, il-President Amerikan ma damx biex jikkritika l-aspetti tal-enerġija nadifa waqt li ddiskuta wkoll kif għandu jitratta mal-President Ċiniż, Xi Jinping u mal-President tar-Russja, Vladimir Putin.
Hu wkoll interessanti l-fatt li Trump iddeklassifika d-dokumenti relatati mal-assassinar, fis-snin sittin, tal-President Amerikan John F Kennedy u ta’ ħuh, l-Avukat Ġenerali Robert Kennedy. Dokumenti oħra klassifikati huma relatati mal-qtil ta’ Martin Luther King Jr; l-attivist leġġendarju għad-drittijiet tas-suwed. Intant, il-kumment misterjuż tal-President Trump, f’dan il-każ, kien li ‘ż-żejt għandu jitla’ dalwaqt f’wiċċ l-ilma’.
//= $special ?>