Lokali Saħħa

Jidħlu fis-seħħ l-azzjonijiet fiċ-Ċentri tas-Saħħa

Minn dalgħodu bdew l-azzjonijiet tat-tobba fiċ-Ċentri tas-Saħħa madwar il-pajjiż, hekk kif is-sistema tas-saħħa tinsab f’emerġenza – bil-professjonisti qed ibatu mill-management ħażin u n-nuqqas ta’ investiment, filwaqt li l-pazjenti ilhom snin jesperjenzaw stennija twila u skumdità kaġun tal-fatt li l-Gvern baqa’ ma investiex fl-infrastruttura u fir-riżorsi umani.

U huwa biss issa li l-Ministru tas-Saħħa donnu irrealizza li jeħtieġ aktar tobba. Tant li fi stqarrija maħruġa dalgħodu, hu qal li “qed jesplora kull possibilità oħra li jattira aktar tobba”.

Id-direttivi fiċ-Ċentri tas-Saħħa qed jaffetwaw is-servizz f’diversi lokalitajiet. Fl-istess stqarrija, il-Gvern ta lista ta’ ħames sptarijiet minn fejn se jiġi offrut tabib tal-familja sabiex jipprova jtaffi xi ftit minn dan l-impatt.

Għal dawk il-persuni li għandhom bżonn urġenti ta’ tabib tal-familja, u li joqogħdu fl-akkwati taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, dawn il-persuni huma mitluba jċemplu dan in-numru: 99889223. Servizz limitat ta’ tabib tal-familja ħa jkun offrut mill-Isptar ta’ Capua f’Tas-Sliema;

Għal dawk il-persuni li għandhom bżonn urġenti ta’ tabib tal-familja, u li joqogħdu fl-akkwati taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bormla u ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Kirkop, dawn il-persuni huma mitluba jċemplu dan in-numru: 99889223. Servizz limitat ta’ tabib tal-familja ħa jkun offrut mill-Isptar St James.

Għal dawk il-persuni li għandhom bżonn urġenti ta’ tabib tal-familja, u li joqogħdu fl-akkwati taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara, dawn il-persuni huma mitluba jċemplu dan in-numru: 79491500. Servizz limitat ta’ tabib tal-familja ħa jkun offrut mill-Isptar Da Vinci.

Għal dawk il-persuni li għandhom bżonn urġenti ta’ tabib tal-familja, u li joqogħdu fl-akkwati taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, dawn il-persuni huma mitluba jċemplu dan in-numru: 77482480. Servizz limitat ta’ tabib tal-familja ħa jkun offrut mill-Isptar St Thomas.