Is-sena li għadha kif intemmet ħalliet l-uċuħ tar-raba’ jixxenqu għall-ilma, tant li tniżżlet fuq ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku bħala t-tielet l-aktar sena xotta, bix-xhur kollha jkunu aktar niexfa min-norma klimatika.
Fil-fatt, bejn Jannar u Diċembru 2024, tkejlu 285.3 mm xita, jiġifieri 260 mm inqas mill-kwota. L-uniku sentejn li kienu iżjed xotti mis-sena li għaddiet, kienu l-1947 (228.4 mm) u l-1961 (274.2 mm). Ħarsa iżjed dettaljata xahar b’xahar, turina kif Lulju kien l-aktar xahar xott, hekk kif tista’ tgħid baqa’ niexef qoxqox. Mill-banda l-oħra, Novembru ta xi ftit jew wisq tan-nifs lill-bdiewa għax ġab miegħu l-akbar ammont ta’ xita, anke jekk xorta waħda ftit inqas min-norma klimatika. Madanakollu, dan ma kienx biżżejjed biex il-ħarifa tagħmel tajjeb għan-nixfa tas-sajf, għax fix-xahar ta’ qablu tkejlu biss 4.2 mm xita, jew aħjar 73.6 mm inqas xita mill-kwota t’Ottubru.
Apparti t-temp xott, temperaturi ogħla mill-medja mmarkaw kważi s-sena kollha, għajr Diċembru meta t-temperatura medja kienet fl-istess livell tan-norma klimatika.
Is-sena li għaddiet ġabet magħha żewġ mewġiet tas-sħana. Waħda minnhom waslet kmieni, lejn nofs Mejju, filwaqt li t-tieni waħda ħalliet lill-Gżejjer Maltin bla nifs f’nofs Ġunju. Madanakollu, l-ogħla temperatura tas-sena tkejlet f’Lulju, meta l-merkurju baqa’ tiela’ sa 37.9°C.
Matul ix-xhur tas-sajf, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kellu joħroġ diversi twissijiet minħabba t-temperaturi estremi. L-aktar xahar sħun tal-2024 kien Awwissu, b’temperatura medja ta’ 29.1°C, filwaqt li Jannar kien l-aktar wieħed kiesaħ, bit-temperatura medja tkun dik ta’ 14.1°C.
Diversi jiem kienu wkoll immarkati minn riħ qawwi, bl-aktar riħ komuni jkun dak li jonfoħ mill-Punent, mill-Punent Majjistru u mill-Punent il-Lbiċ. April kien fost ix-xhur l-aktar bir-riħ, tant li matulu kien hemm ħamest ijiem li mmarkaw qawwa ta’ riefnu.
//= $special ?>