Lokali

L-aqwa persunaġġ Britanniku tas-seklu għoxrin b’rabta sinfikanti ma’ Malta

Kitba ta’ Victor Camilleri

Winston Churchill, li miet fl-24 ta’ Jannar 1965 – bħal-lum 60 sena – kien, mingħajr l-iċken dubju, il-persunaġġ ewlieni u l-aktar popolari fir-Renju Unit tul is-Seklu 20. Kien politiku brillanti, oratur mill-aqwa, u kittieb versatili tant li fl-1953 saħansitra rebaħ il-Premju Nobel tal-Letteratura.

Hu baqa’ magħruf l-aktar għall-perjodu li għamel bħala Prim Ministru Britanniku (1940-1945; 1951-55) li matulhom, fost l-oħrajn mexxa lill-pajjiż fit-Tieni Gwerra Dinjija u, b’kuraġġ u b’determinazzjoni, waqaf lil Adolf Hitler u finalment rebaħlu minkejja li, fil-bidu, pajjiżu kien meqjus bħala l-underdog.

Il-poplu Ingliż irreċiproka l-fiduċja tiegħu f’Churchill bħala politiku, għalkemm bħal donnu malajr nesa kollox appena għaddiet il-gwerra meta fl-1945 spiċċa Kap tal-Oppożizzjoni wara li tilef elezzjoni ġenerali.

Winston Churchill baqa’ msemmi għall-oratorija tiegħu u ċerti diskorsi li għamel għadhom jissemmgħu u jkunu studjati sal-lum il-ġurnata.

Il-konnessjoni ta’ Winston Churchill, tant prominenti fi żmien ta’ gwerra, madankollu, tmur lil hinn ukoll u dan jikkonfermawh is-sitt żjarat tiegħu f’Malta, kien f’liema kariga kien.

■ L-ewwel żjara  ta’ Churchill f’Malta seħħet fit-2 ta’ Ottubru 1907, meta waqt li kien jokkupa l-kariga ta’ Sotto Segretarju għall-Kolonji, għamel waqfa ta’ ġimgħa hekk kif kien fi triqtu lejn vaganza għall-kaċċa fl-Afrika. Hu kien impressjonat bil-Palazz tal-Gran Mastri fil-Belt, ir-residenza tiegħu f’dik il-waqfa.

■ Fid-29 ta’ Mejju 1912, issa bħala l-First Lord of the Admiralty, Churchill għamel it-tieni żjara tiegħu f’Malta. Hu wasal Malta permezz tal-Enchantress, il-yacht tal-Ammiraljat biex jiltaqa’ ma’ Lord Kitchener u flimkien jiddiskutu l-qagħda tal-Mediterran u s-sehem ta’ Malta fir-rigward tar-Royal Navy.

■ It-tielet żjara seħħet preċiżament sena wara, f’Mejju 1913, meta fuq l-istess yacht Enchantress, wasal hawn flimkien ma’ martu u bintu fejn iddiskuta l-qagħda militari ta’ Malta u b’riżultat ta’ hekk kien deċiż li f’Malta tissaħħaħ il-preżenza tan-Navy Ingliża b’erba’ vapuri li jkunu bażati hawn.

■ Fit-8 ta’ Jannar 1927, Churchill wasal Malta fuq il-vapur HMS Witch għal żjara strettament privata. Din id-darba hu kien fil-pożizzjoni ta’ Chancellor of the Exchequer u kien akkumpanjat minn ħuh Jack u minn ibnu Randolph ta’ 15-il sena.

■ Fis-17 ta’ Novembru 1943, Winston Churchill reġa’ ġie Malta fuq il-vapur HMS Renown għal żjara qasira. Issa kien Prim Ministru u matul iż-żjara tiegħu żar l-Isla u t-Tarzna fejn fiż-żewġ postijiet seta’ jara b’għajnejh il-ħerba li kienu ħallew l-attakki tal-għadu nazista u faxxista. Hu kien fi triqtu lejn Lixandra fl-Eġittu biex jiltaqa’ mal-President Amerikan Franklin Roosevelt.

■ Fid-29 ta’ Jannar 1945 Churchill wasal Malta – għall-aħħar darba – bl-ajruplan biex jerġa’ jiltaqa’ mal-President Roosevelt hekk kif it-tnejn li huma, aktar tard, kellhom jiltaqgħu mal-President Stalin tar-Russja f’Yalta fil-Krimea dwar il-futur tal-Ewropa wara r-rebħa tal-gwerra. Roosevelt wasal Malta fit-2 ta’ Frar u ltaqa’ ma’ Churchill fuq il-vapur tan-Navy Amerikan USS  Quincy.