Lokali

OPINJONI: L-isfruttament tal-ħaddiema

X’inhi r-raġuni għaliex il-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni għandhom fost l-inqas pagi fil-pajjiż? It-tweġiba toħroġ mill-fatt li parti kbira ta’ dawn il-ħaddiema huma barranin. Ħaddiema li jiġu minn pajjiżi barra l-UE. Li ħafna minnhom qed jiġu sfruttati.

minn Joe M. Zahra

Dan l-aħħar ħareġ dokument dwar ix-xogħol u l-ħaddiema barranin f’pajjiżna. Minn dan id-dokument jirriżulta li l-inqas ħaddiema mħallsa f’Malta huma l-bdiewa u s-sajjieda. Warajhom huma l-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni. Dan minkejja kemm għamel flus dan is-settur. Il-pagi tal-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni żdiedu b’inqas mnn tnejn fil-mija fis-sena mill-2013. Din hi l-istess bħar-rata tal-inflazzjoni li bejn l-2013 u l-2023 ukoll żdiedet b’medja ta’ tnejn fil-mija b’qabża kbira fl-2022 u l-2023. Għall-ħaddiema f’dan is-settur il-ħajja kienet iebsa iktar minn ta’ ħaddiema oħrajn. Mhux biss għaliex is-settur tal-kostruzzjoni hu l-iktar wieħed iebes iżda wkoll għaliex dawn il-ħaddiema xejn ma marru tajjeb finanzjarjament.

X’inhi r-raġuni għaliex il-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni għandhom fost l-inqas pagi fil-pajjiż? It-tweġiba toħroġ mill-fatt li parti kbira ta’ dawn il-ħaddiema huma barranin. Ħaddiema li jiġu minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea. Li ħafna minnhom qed jiġu sfruttati. Jirriżulta li f’dan is-settur hemm iktar minn 10,500 ħaddiem barrani. Jirriżulta wkoll li dawn il-ħaddiema barranin f’dan is-settur iħallsu l-inqas fuq id-dħul tagħhom. Għaliex huma l-ħaddiema li l-inqas li jitħallsu.

Meta tqis li s-settur tal-kostruzzjoni hu l-iktar li kiber fl-aħħar 10 snin u llum jimpjega iktar minn 20,000 ħaddiem – jew 8,700 iktar mill-2013 – kont tistenna li d-dħul ta’ dawn il-ħaddiema jkun wieħed tajjeb. Wieħed li jikkumplimenta x-xogħol iebes li jagħmlu. Iżda mhux hekk juru ċ-ċifri! Dawn in-nies spiċċaw l-iktar li jbatu biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja iżjed minn kategoriji oħra ta’ ħaddiema. Hu kalkulat li dawn jaqilgħu medja ta’ €18,500 fis-sena. Anke jekk skont studju tal-KPMG, ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżvilupp, pubblikat is-sena li għaddiet, instab li l-ħaddiema f’dan is-settur fl-2023 qalgħu medja ta’ €13,300, kważi mingħajr ebda tibdil mill-istudju li għamlet l-istess kumpanija fl-2017. Anke din iċ-ċifra ma tinkludix x’jaqilgħu ħafna ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni li huma reġistrati bħal li jaħdmu għal rashom u li d-dħul tagħhom kiber sostanzjalment.

Importazzjoni ta’ ħaddiema barranin

Fl-aħħar ħdax-il sena l-Gvern bena l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin. Fuq iċ-cheap labour. Speċjalment ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea li jistgħu jkunu sfruttati ferm iktar minn dawk li jiġu minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Fl-2023 minn fost 69,000 ħaddiema minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea kellna iktar minn 13,000 ħaddiem mill-Indja, 9,500 ħaddiem mill-Filippini, 8,200 ħaddiem min-Nepal, 4,100 ħaddiem mis-Serbja, 2,800 ħaddiem mit-Turkija, mat-3,400 ħaddiem mill-Albanija, 3,100 ħaddiem mill-Kolumbja, 1,400 ħaddiem mill-Maċedonja. Ħafna minn dawn il-ħaddiema ġew Malta bil-promessa ta’ pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol mill-aqwa. Iżda darba hawnhekk sabu l-kuntrarju. Għalhekk ħafna minnhom darba jkollhom l-opportunità li jmorru f’pajjiż ieħor jeħduha. U għalhekk li dawn il-ħaddiema jinbidlu ħafna.

Biss xorta għad baqgħalna iktar minn 10,000 ħaddiem barrani fis-settur tal-kostruzzjoni u iktar minn 15,000 fis-settur tal-akkomodazzjoni u l-ikel.

Lanqas il-Gvern mhu jagħti eżempju tajjeb. Minn diversi interpellanzi li jsiru fil-Parlament minn deputati Nazzjonalisti jirriżulta li minbarra l-iktar minn 51,000 ħaddiem li hemm fis-settur governattiv hemm ukoll iktar minn 5,200 ħaddiem ieħor mis-settur privat li jitħaddmu mal-Gvern permezz tal-kuntratturi. Dawn m’għandhomx l-istess kundizzjonijiet li għandhom ħaddiema bħalhom fis-settur pubbliku. Anke għaliex il-kuntrattur li jħaddimhom irid jieħu sehmu. Fost dawn il-ħaddiema hemm dawk fil-Community Workers Scheme, li wkoll huma kunsidrati bħala parti mis-settur privat. Dawn jitħaddmu minn fondazzjoni li hi tal-General Workers’ Union, li ngħatat offerta ta’ miljuni biex tamministra din l-iskema f’isem il-Gvern!

Skont ċifri pubblikati jirriżulta li huma l-ħaddiema Maltin li l-inqas li żdidulhom il-pagi tagħhom fl-aħħar snin. Bir-riżultat li ħafna mhumiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Speċjalment dawk b’inqas paga. Magħhom ukoll nistgħu ngħoddu l-pensjonanti.

F’artiklu fit-Times of Malta li kellu dan l-aħħar Joe Pace Ross, eżekuttiv bankarju rtirat, dan wera wera b’ċifri kif id-differenza fid-dħul bejn dawk li għandhom paga medja ta’ €20,000 u dawk b’paga minima kompliet kibret wara l-aħħar baġit minn €5,731 għal €6,198. Xi ħaġa li tkompli tikkonferma li l-paga minima mhix biżżejjed biex tipprovdi għall-ħtiġiet bażiċi tal-ħaddiema bl-inqas dħul u l-pensjonanti. Dan jikkonferma wkoll dak li kien stqarr xi snin ilu l-Bank Ċentrali li f’pajjiżna s-sinjur qed ikompli jsir iktar sinjur filwaqt li l-bqija qed jitħallew lura.

Telf ta’ ħaddiema tas-snajja’

Il-politika tal-Gvern li jqabbad kemm jiflaħ ħaddiema miegħu qed tisraq nies tas-sengħa mis-settur privat għas-settur pubbliku. Qed twassal biex qed jintilfu ħafna snajja’. Qed tkisser is-settur privat. Tajjeb li jittieħdu miżuri biex il-popolazzjoni ma tkomplix togħla iżda dawn il-miżuri ma jridux ikunu għad-detriment tas-settur privat. Il-Gvern irid jibda billi ma jkomplix jimpjega persuni miegħu bl-addoċċ. Ma jkomplix jisraq il-ħaddiema mis-settur privat. Għaliex jekk il-Gvern ikompli jieħu l-ħaddiema mis-settur privat bilfors li dawn jirrikorru għal ħaddiema barranin. U għalhekk iż-żieda bl-addoċċ ta’ ħaddiema barranin bilfors tkun tort tal-Gvern. Il-Gvern ma jistax ikompli bil-politika tiegħu taż-żieda fil-kwantità u mhux fil-kwalità.

Kull meta l-Partit Laburista jkun fil-gvern jiżbilanċja s-suq tax-xogħol. Iżid il-ħaddiema tiegħu. Iżid il-persuni ta’ fiduċja. Joħloq aġenziji bl-addoċċ, li jagħmlu l-istess xogħol ta’ oħrajn, basta jqabbad magħom persuni ‘tal-qalba’. Fl-1987, lejlet l-elezzjoni ġenerali, il-Gvern Laburista qabbad mas-settur pubbliku 10,000 ħaddiem. Il-ħaddiema fis-settur privat naqsu tant li kien hemm ħaddiema mas-settur pubbliku daqs dak privat.

15,000 ħaddiem iktar fis-settur pubbliku

F’Marzu 2013, ix-xahar tal-bidla tal-Gvern, kien hemm fis-settur pubbliku 41,507 ħaddiema. F’Marzu 2024 iċ-ċifra telgħet għal 51,554 – żieda ta’ 10,000 ħaddiem. Jekk ma’ dawn inżidu l-5,200 ħaddiem mal-Gvern li ddaħħlu bil-kuntrattur, ifisser li kemm ilu hemm il-Gvern Laburista żied is-settur pubbliku b’iktar minn 15,000 ħaddiem. U dan sa 10 xhur ilu. X’inhi ċ-ċifra llum m nafux.

Il-Gvern mhux biss qed iżid in-numru ta’ ħaddiema miegħu bl-addoċċ iżda qiegħed ukoll iqabbad ħaddiema mingħajr ma jkollhom il-kwalifiki, mingħajr ir-regoli stabbiliti tar-reklutaġġ. Dan kollu qed iwassal biex min hu kwalifikat qed ikollu jagħmel ix-xogħol ta’ dawk li mhumiex. Qed ikollu jieħu l-piż fuq spallejh. Miżuri li qed iwasslu għall-ħaddiema tal-ewwel klassi u ħaddiema tat-tieni klassi. Qed iwassal għal ħaddiema li qed jiġu sfruttati basta mingħalihom li qed jaħdmu mal-Gvern. Meta fil-fatt jirrispondu lill-kuntrattur.