Fil-Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni, li ilu jiġi ċċelebrat mill-2019, il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-professjonisti kollha li jagħtu l-impenn tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni obbligatorja u terzjarja f’pajjiżna.
Dan intqal fi staqrrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’, Justin Schembri.
Hekk kif din is-sena l-UNESCO għażlet li tiddedika dan il-Jum li fih tkun iċċelebrata l-edukazzjoni għat-tema AI and Education: Preserving Human Agency in a World of Automation, il-PN jafferma mill-ġdid ukoll il-pożizzjoni tiegħu favur aktar investiment fir-riżorsa umana fi żmien meta l-Intelliġenza Artifiċjali (AI) f’dinja awtomatizzata mit-teknoloġija u l-kompjuterizzazzjoni qed tingħata dejjem aktar importanza fl-edukazzjoni.
Għalkemm dawn l-avvanzi huma importanti biex il-qasam tal-edukazzjoni jkompli jaġġorna ruħu u jissaħħaħ, ir-riżorsa umana għandha dejjem tibqa’ fiċ-ċentru tal-politika edukattiva, waqt li tkun elevata u protetta.
Il-Partit Nazzjonalista – li jikkunsidra l-Edukazzjoni Diġitali u l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali bħala prinċipju ewlieni fit-tfassil tal-edukazzjoni moderna – jisħaq fuq l-importanza li din tingħata aktar impenn, u jesiġi li l-politika għandha tiffoka fuq bilanċ fejn it-tagħlim diġitali jikkumplimenta l-metodi l-oħra ta’ tagħlim.
Il-preżenza tal-għalliema, l-edukaturi u l-letturi għandha dejjem tibqa’ essenzjali għat-tagħlim u għall-iżvilupp ħolistiku tat-tfal u ż-żgħażagħ għax din tgħin fit-tfassil ta’ ħiliet ulterjuri bħal dawk soċjali u emozzjonali.
Dan, madankollu, ma jnaqqasx l-importanza assoluta li l-għalliema, l-edukaturi u l-letturi tagħna fil-livelli kollha – inklużi dawk fil-livell terzjarju – ikunu mħarrġa u aġġornati fil-kompetenzi varji marbutin mal-aħjar użu tal-għodod diġitali li huma disponibbli fil-ġurnata tal-lum, f’konformità mal-qafas ta’ kompetenza tal-UNESCO.
//= $special ?>