Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal Palestinjan li ammetta akkużi ta’ fastidju fuq l-eks mara

Palestinjan ta’ 60 sena, ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Lara Lanfranco wara li ammetta akkużi ta’ fastidju fil-konfront tal-eks mara tiegħu li flimkien għandhom erba’ ulied. Raeid Mohammed Aboulgasim, li jgħix tal-Pietà ammetta wkoll li kkaġuna’ biża fil-konfront tal-mara.

Id–difiża meta tressaq kienet talbet għall-ħelsien mill-arrest u argumentat li l-akkużat għandu passaport Malti u indirizz fiss, madanakollu l-prosekuzzjoni kienet oġġezzjonat bil-qawwa kollha biex jingħatax il-pleġġ wara li qalet li hemm biża’ li jaħrab mill-pajjiż. Dan filwaqt li żiedet tgħid li għadhom iridu jixhdu xhieda oħra.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-vittma kienet tibża’ ħafna minnu u għalhekk kemm-il darba għamlet rapport lill-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni rrimarkat kif il-Palestinjan ilu mill-2023 ma jaħdem jew jirreġistra li jaħdem Malta, u fil-fatt lanqas kien qed jagħti manteniment għat-tfal. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antonello Magri.

Il-Qorti tagħat ċans lill-akkużat jerġa’ jaħsibha dwar l-ammissjoni bikrija tiegħu, minħabba li dan huwa każ li wieħed jista’ jiġi kkundannat għal sentenza ta’ priġunerija. Raeid Mohammed Aboulgasim qal li se jibqa’ jżomm mal-ammissjoni tiegħu, xi ħaġa li l-Qorti qieset meta ġiet biex tagħti s-sentenza.