In-Nazzjonijiet Uniti ma tilfitx żmien biex tikkuntesta lill-President Amerikan Donald Trump wara li hu sospenda l-ammissjonijiet tar-refuġjati kollha fl-Istati Uniti. Dan waqt li Trump anki waqqaf il-programm tal-pajjiż li jippermetti kenn politiku lill-barranin persegwitati għal raġunijiet politiċi.
L-istqarrija tan-NU ssostni li d-dritt tal-persuni biex ifittxu l-kenn politiku huma rikonoxxuti ‘fuq livell universali’. U waqt li l-Istati kollha huma intitolati biex jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni fuq il-ftuntieri internazzjonali tagħhom, in-NU qed tfakkar fil-ħtieġa li dan isir b’rispett għall-obbligi tagħhom relatati mal-ħarsien tad-drittijiet umani.
Dan waqt li Trump, fl-aħħar sigħat, kompla joħroġ id-direttivi eżekuttivi li qed jaqilbu ta’ taħt fuq is-sistemi tal-amministrazzjoni li spikkaw waqt il-Presidenza ta’ Joe Biden. Fost dawn hemm l-executive order li jissospendi lir-Refugee Admissions Program – bl-uffiċjali ta’ Trump isostnu li pajjiżhom m’għandux il-kapaċità biex jassorbi ammonti kbar ta’ immigranti u partikularment refuġjati qalb il-komunitajiet.
Il-pass, intant, wassal għall-iffriżar tal-proċess li kellu jippermetti kenn politiku għall-mijiet tar-refuġjati li kienu approvati minn qabel – bil-kelliema għall-UNHCR jagħmluha ċara li r-rilokazzjoni tar-refuġjati hi, fil-fatt, miżura li ssalva l-ħajja. Dan, meta l-istess kelliema beħsiebhom ikomplu jaħdmu u jikkoordinaw mal-Gvern ta’ Trump biex isibu soluzzjonijiet fil-każ tar-refuġjati.
‘Liġi antikostituzzjonali’
Xejn anqas kontroversjali hi d-direttiva eżekuttiva ta’ Donald Trump li għandha tiċħad il-kunċett taċ-ċittadinanza mit-twelid lit-tfal tal-immigranti li qegħdin jgħixu fl-Istati Uniti mingħajr dokumentazzjoni meħtieġa. Intant, Imħallef, issa, ordna l-iffriżar ta’ din id-direttiva – almenu għal żmien temporanju.
Kienu proprju erba’ Stati – Washington, Arizona, Illinois u Oregon – li talbu biex il-qorti distrettwali timblokka d-direttiva filwaqt li qorti ogħla (federali) tikkunsidra l-isfida legali mressqa mill-Istati.
Min-naħa tiegħu, l-Imħallef irrefera għad-direttiva partikulari bħala waħda li tmur ‘sfaċċatament’ kontra l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti u meta issa, l-executive order għandha tibqa’ friżata għal ġimagħtejn fost il-proċeduri legali pendenti.
Sadanittant, l-aġenti tal-immigrazzjoni fl-Istati Uniti fl-aħħar sigħat arrestaw lill-mijiet tan-nies li l-White House qed jirreferi għalihom bħala ‘immigranti illegali u kriminali’.
//= $special ?>