BREAKING NEWS Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Yorgen Fenech jingħata l-libertà proviżorja

€200,000 f'depożitu u garanziji għall-bail

Wara ħames snin f’arrest preventiv, in-negozjant Yorgen Fenech ingħata l-libertà proviżorja b’deċiżjoni mill-Qorti.

Il-Qorti ddeċidiet li Fenech irid iħallas depożitu ta’ €80,000 u garanzija personali ta’ €120,000.

Iz-zija tiegħu, Moira Fenech, daħlet bħala garanti għalih, permezz tal-ishma li għandha fil-Grupp Tumas.

Yorgen Fenech jinsab implikat fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017. U hu mistenni jgħaddi ġuri dwar dan il-qtil makabru li kien ixxokja pajjiż sħiħ.

Il-bail ingħata mill-Imħallef Edwina Grima fuq numru ta’ kundizzjonijiet li jinkludu curfew mill-5pm sal-11am, irid jidher il-Qorti għal kull ordni, ma jistax iħalli l-pajjiż, ma jistax jitla’ fuq dgħajsa, u ma jistax javviċina jew ikellem (anke indirettament) lix-xhieda tal-prosekuzzjoni – speċjalment lil Melvin Theuma u lil Keith Schembri.

Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-familja Caruana Galizia.

Fenech irid jiffirma l-Għassa ta’ San Ġiljan kuljum.

Ir-reazzjoni tal-familja Caruana Galizia

Intant, Matthew Caruana Galizia – iben il-ġurnalista assassinata – stqarr li l-ħtija ta’ din id-deċiżjoni tal-lum hija kollha fuq il-Prim Ministru u fuq il-Ministru tal-Ġustizzja. Dan għaliex kellhom ħames snin sħaħ biex jirranġaw is-sistemi, iżda ma għamlu assulutament xejn.

“Huwa ċar li dawn qedgħin man-naħa tal-kriminali”, stqarr Caruana Galizia fuq il-midja soċjali.