l-President Myriam Spiteri Debono kellha udjenza privata mal-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku, fil-Vatikan. Matul il-laqgħa, il-Papa tkellem dwar l-esperjenza tiegħu f’Malta matul iż-żjara uffiċjali fl-2022, u ġedded il-memorji ta’ meta kien jistudja fi Buenos Aires, fit-triq tiegħu biex isir Ġiżwita, fejn jistudjaw flimkien miegħu kellu żewġ studenti Għawdxin.
Il-Papa tkellem ukoll fuq diversi suġġetti oħra, fosthom in-nisa fit-tmexxija u l-importanza li t-twelid tal-ulied jiżdied.
Fiż-żjara tagħha għand il-Papa, il-President kienet akkumpanjata minn żewġha, Dr Anthony Spiteri Debono, membri oħra tal-familja tagħha, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Dr Ian Borg u l-familja tiegħu, l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit, u uffiċjali mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta li lkoll kellhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-Papa Franġisku.
Matul din il-laqgħa, il-President ta’ Malta għaddiet lill-Papa Franġisku apparat mediku biex jintuża fil-klinika Ambulatorio Madre di Misericordia li, fuq inizjattiva tal-Papa stess, toffri servizzi tas-saħħa b’xejn lil pazjenti fil-bżonn. Apparti dan l-apparat mediku, ġie wkoll preżentat lill-Papa ċestin bi pjetanzi Maltin u Għawdxin.
Wara, il-President flimkien mad-delegazzjoni tagħha żaret l-Ambulatorio Madre di Misericordia. Hawn, il-President irrikonoxxiet il-ħidma li ssir f’din il-klinika u rringrazzjat lit-tmexxija tal-opportunità li tingħata lill-istudenti tal-mediċina Maltin, li ta’ kull sena jagħmlu esperjenza ta’ xogħol mal-pazjenti f’din il-klinika.
Waqt iż-żjara tagħha f’Ruma, il-President żaret ukoll l-Isptar Bambino Gesù li joffri kura speċjalizzata lit-tfal, u li ta’ kull sena jilqa’ pazjenti Maltin kif ukoll studenti tal-mediċina minn Malta.
Sa issa, madwar 18-il student Malti kellhom din l-esperjenza f’Ruma, waqt li l-isptar assista lil diversi ommijiet ta’ tfal li twieldu b’kundizzjonijiet mediċi serji.
Il-President u d-delegazzjoni tagħha kellhom diskussjoni mat-tmexxija tal-isptar dwar il-kura offruta, l-aħħar żviluppi fit-teknoloġija u l-mediċina, kif ukoll dwar il-kollaborazzjoni bejn dan l-isptar u l-Iskola Medika Maltija.
Waqt iż-żjara tal-President ta’ Malta f’Ruma, il-President Myriam Spiteri Debono, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Dr Ian Borg, kellhom laqgħa mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan għar-Relazzjoni mal-Istati, l-Arċisqof Paul R Gallagher.
Matul din il-laqgħa, l-Arċisqof aċċenna għar-rwol ta’ Malta f’fora internazzjonali, b’referenza partikolari għar-rwol ta’ Malta bħala Chair tal-OSCE.
Waqt id-diskussjoni li saret, sar ukoll aċċenn għas-sitwazzjoni internazzjonali u b’mod partikolari s-sitwazzjoni fil-Mediterran, fejn issemmew ukoll is-Sirja u l-Libja.
Iż-żjara uffiċjali tal-President barra minn Malta tkompli fil-Polonja, fejn il-President se tattendi ċ-ċerimonja uffiċjali li matulha se jitfakkar it-tmenin anniversarju mil-liberazzjoni tal-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau.
//= $special ?>