Lokali Qorti

Id-dewmien tal-każi fil-Qrati deskritti “skandalużi” u “xokkanti”

Din hija sitwazzjoni xokkanti – il-fatt li l-Qorti ma kellhiex għażla imma li tagħti l-libertà proviżorja lin-negozjant Yorgen Fenech minħabba li ttawwal wisq iż-żmien hija sitwazzjoni skandaluża.

Dan sostnewh l-Editor in Chief tal-ġurnal Times of Malta Herman Grech u l-Editur Maniġerjali tal-gazzetta MaltaToday Kurt Sansone waqt żewġ interventi tul il-programm Net Live fejn Grech insista li f’pajjiżna hawn sistena ta’ dewmien fil-Qrati li hija waħda kronika.

Huwa staqsa kif jista’ jkun li wara 5 snin għadna ma nafux meta se jkun qiegħed isir il-ġuri b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Herman Grech insista li dan ma japplikax biss għal każ tal-qtil tal-ġurnalista iżda għal mijiet oħrajn partikolarment każi ta’ vjolenza domestika li jistgħu jħabbtu wiċċhom mal-aggressuri tagħhom barra fit-triq.

Dan filwaqt li Kurt Sansone insista li l-Imħallef Edwina Grima saħqet li l-biżgħat li l-Qorti kellha biex fix-xhur preċedenti ma aċċettatx il-libertà proviżorja fil-konfront ta’ Fenech għadhom preżenti madanakollu għandha dahra mal-ħajt…minħabba d-dewmien.

Sansone saħaq li dan id-dewmien kollu mhux aċċettabbli u sostna li s-soċjetà trid aktar speditezza…bil-ġurnalist jtemm jgħid li wieħed jasal għal konklużjoni li xi ħaġa ħażina hemm żgur.